It-tim ta’ Puttinu Cares jaqsam fuq il-midja soċjali l-istorja ta’ Louise, mara li qatt ma kienet tistenna li ħajjitha ser tinbidel f’ħakka t’għajn.
Kienu sabulha forma rari ta’ kanċer imsejħa Epithelioid hemangioendothelioma, li hi kundizzjoni serja li kienet teħtieġ trapjant tal-fwied biex ikollha ċans ġdid għall-ħajja.
Minn dak il-mument beda vjaġġ diffiċli u mimli inċertezzi. Madankollu, Louise ma kinitx waħedha. Maġenbha kien hemm dejjem it-tifla tagħha Jessica, li kienet sors ta’ kuraġġ, saħħa u appoġġ kontinwu matul dan il-perjodu delikat.
Louise tiftakar b’mod ċar il-mument meta t-tobba qalulha li kellha bżonn titla’ l-Ingilterra biex tirċievi trapjant tal-fwied.
“Meta sirna nafu li kellna bżonn nitilgħu l-Ingilterra sabiex nirċievi trapjant tal-fwied, moħħok jibda jinkwieta. Tibda tistaqsi: fejn se noqgħod? x’għandi bżonn nagħmel? Kif se nirnexxu ngħaddu minn dan kollu?” tgħid Louise.
Hi tkompli, “Kulħadd jgħin lil xulxin u jifhem minn xiex għaddej.” Matul dan iż-żmien, l-esperjenza tagħhom ma kinitx biss ta’ sfidi mediċi, iżda wkoll ta’ solidarjetà u ħbiberija.
Fis-27 ta’ Marzu, Louise daħlet għall-operazzjoni tat-trapjant, li tiddeskrivih bħala mument kruċjali li fetaħ kapitlu ġdid ta’ tama fil-ħajja tagħha u tal-familja tagħha.
L-istorja ta’ Louise hija xhieda qawwija ta’ kemm il-fidi, l-imħabba tal-familja u s-solidarjetà ta’ komunità jistgħu jagħtu saħħa straordinarja.
Facebook/ Puttinu Cares