Il-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali Owen Bonnici, flimkien mal-Kunsill Malti għall-Arti (ACM) u d-Dipartiment tar-Restawr u l-Preservazzjoni, ħabbru l-proġetti magħżula taħt l-Iskema ta’ Finanzjament għar-Restawr 2026. B’kollox, 14-il inizjattiva se jibbenefikaw minn investiment ta’ €190,000, bil-għan li jissaħħaħ ix-xogħol ta’ restawr u konservazzjoni tal-wirt kulturali immobbli.

L-iskema kienet indirizzata lejn organizzazzjonijiet kulturali u volontarji li jeħtieġu appoġġ biex jippreservaw proprjetà kulturali, kemm interna kif ukoll esterna, fi ħdan knejjes parrokkjali. Dan jinkludi elementi bħal artali, aperturi, dekor arkitettoniku, induratura, kif ukoll pittura u uċuħ dekorattivi oħra.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru Bonnici enfasizza li investimenti ta’ dan it-tip juru kemm il-wirt kulturali u artistiku huwa prijorità. Huwa sostna li l-appoġġ lejn attivitajiet tradizzjonali u prattiki kreattivi jibqa’ pilastru ewlieni fil-ħidma tal-Gvern, u li dan l-investiment sostanzjali jkompli jsaħħaħ dak l-impenn.
Huwa żied jgħid li permezz ta’ dawn l-inizjattivi, qed tissaħħaħ l-infrastruttura kulturali tal-pajjiż, filwaqt li jinħoloq qafas aktar b’saħħtu li jħares u jippromwovi l-iżvilupp tal-elementi kulturali u tradizzjonali li jiffurmaw l-identità Maltija.

Min-naħa tiegħu, iċ-Chairperson Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għall-Arti Luke Dalli qal li dawn il-proġetti juru kemm il-wirt artistiku Malti huwa divers u ta’ valur. Huwa nnota li dawn jinkludu xogħlijiet li jvarjaw minn kapolavuri barokki sa espressjonijiet arkitettoniċi aktar moderni, u enfasizza r-rwol kruċjali tal-komunitajiet u l-organizzazzjonijiet volontarji fil-preservazzjoni tagħhom. Huwa sostna wkoll li din l-iskema tkompli turi l-impenn tal-Kunsill biex jipproteġi u jsaħħaħ il-wirt kulturali nazzjonali.
Id-direttur Rita Falzon, Kap tal-Fondi fi ħdan il-Kunsill, spjegat li l-iskema ġiet imfassla biex tindirizza bżonnijiet konkreti fis-settur, partikolarment fejn ix-xogħol ta’ konservazzjoni jitlob ħiliet speċjalizzati u ppjanar fit-tul għall-manutenzjoni.
Għal aktar dettalji u l-lista sħiħa tal-proġetti finanzjati, wieħed jista’ jżur is-sit tal-Kunsill Malti għall-Arti fuq www.artscouncilmalta.gov.mt
Facebook / Owen Bonnici