Ġewwa l-Pakistan, xi ħaddiema li jaħdmu f’ristorant ġew arrestati wara li daħlu xi pulizija fil-ħanut u talbuhom biex jagħtuhom xi burgers mingħajr ħlas.
Il-ħaddiema qalu li dan ma kinx l-ewwel darba li ġara xi ħaġa hekk. Dawn m’aċċettawx li jagħtuhom il-burgers b’xejn u qalu li l-pulizija għedduhom u l-għada reġgħu daħlu fir-ristorant u arrestaw xi membri tal-istaff. Apparti minn hekk, il-ħaddiema kellhom iħallu kollox mixgħul u n-nies li riedu jordnaw tħallew hemm mingħajr ma ġew moqdija.
Dawn il-ħaddiema nżammu arrestati għal seba’ sigħat sħaħ u l-pulizija baqgħu jaqbdu magħhom talli ma tawhomx il-burgers. Wara dan l-inċident, il-pulizija li wettqu dan l-abbuż ġew sospiżi u uffiċjal għoli qal li ħadd ma kien ser jitħalla jieħu l-liġi b’idejh bħal ma għamlu dawn.