F’din il-ġurnata 20 sena ilu, Malta kienet milquta minn wieħed mill-akbar għargħar li qatt esperjenza pajjiżna. Fil-lejl tal-14 ta’ Settembru 2003, bdiet nieżla xita qawwija madwar il-pajjiż kollu u waqfet biss madwar seba’ sigħat wara.
Ix-xita qawwija u s-sajjetti li ma jispiċċaw qatt żammew diversi nies imqajmin matul il-lejl. Din il-maltempata ta’ Settembru ġabet magħha xita kbira ta’ 100.8 mm, li wasslet għal għargħar tal-biża’ mal-gżejjer kollha.
Iż-żona ċentrali ta’ Malta ntlaqtet l-aktar, b’ħafna residenti jċemplu lis-servizzi tal-emerġenza għall-għajnuna minħabba l-għargħar estrem li kienu qed jesperjenzaw. Il-Mosta kienet il-belt li esperjenzat l-agħar għargħar minn dan il-maltemp tal-biża’. F’ħin minnhom, tkejlu ‘l fuq minn 250mm ta’ ilma.
“Settembru tal-2003 għadu jitniżżel bħala l-aktar xahar mgħarraq u ta’ maltemp ta’ kull żmien,” irrapportat fuq Facebook il-paġna lokali tat-temp It-Temp Madwarna.
Facebook / It-Temp Madwarna