Fl-okkażjoni tal-22 sena anniversarju ta’ Southville Dancers, il-moħħ wara din il-kumpanija taż-żfin, Christian Scerri, qasam messaġġ emozzjonali fejn irrifletta fuq il-vjaġġ twil li wassal biex illum il-grupp sar wieħed mill-aktar stabbiliti f’Malta.
Fil-messaġġ tiegħu, Christian spjega li meta beda dan il-proġett ma kellux pjan ċar ta’ x’se jiġri. Kellu biss determinazzjoni kbira u xewqa li jilħaq kull għan li kien jiġi f’moħħu.
Huwa fakkar ukoll li matul is-snin kellu jaffaċċja ħafna kummenti negattivi, fosthom min kien jgħid li ż-żfin huwa “sempliċement passatemp”, jew li huwa attività “għall-bniet biss”.
“Naħseb li r-riżultati jitkellmu waħedhom. Għal aktar minn żewġ deċennji, poġġejt l-isem Southville qabel tiegħi. Għażilt li nkun il-persuna wara l-marka għax qatt ma kienet dwari. Kienet dwarna u DEJJEM se tkun dwarna! Kienet dwar il-bini ta’ komunità, kultura, u dar għall-ġenerazzjoni li jmiss ta’ żeffiena. Illum, aħna l-eqdem grupp ta’ street dance fil-gżira.
Fil-messaġġ tiegħu, Scerri rringrazzja lill-familja tiegħu talli kienet dejjem ta’ sostenn, kif ukoll lil martu u lil bintu għas-sagrifiċċji li jagħmlu minħabba s-sigħat twal li jqatta’ jaħdem fuq il-proġetti taż-żfin.
Huwa rringrazzja wkoll liż-żeffiena brillanti u bravissima ta’ Southville li matul is-snin għamlu parti minn din il-familja artistika.
Fl-aħħar tal-messaġġ tiegħu, Scerri saħaq li minkejja li Southville Dancers issa laħqu 22 sena ta’ storja, il-vjaġġ tagħhom għadu ma spiċċax – “Għadna m’aħniex lesti.”
Facebook/ Christian Scerri