Ilbieraħ filgħodu, The Malta Records qamet kmieni biex tmur Tas-Sliema u tippreżenta rekord nazzjonali ġdid li jenfasizza iktar dwar x’inhu verament l-ispirtu tal-Milied: l-għaqda, il-ferħ u l-komunità. Rekord sempliċi fil-forma tiegħu, iżda sinifikanti ħafna fil-messaġġ li jwassal.
B’total ta’ 312-il persuna miġbura flimkien, kollha liebsa flokk dekorattiv tal-Milied, inkiser rekord li mhux biss jitkellem dwar numru, iżda dwar nies li għażlu li jingħaqdu, jidħku flimkien u joħolqu mument sabiħ li jibqa’ mfakkar. Dan ir-rekord ġie mwaqqaf mill-Iskola Sekondarja San Franġisk, Tas-Sliema, li permezz ta’ din l-inizjattiva wriet kif l-edukazzjoni tista’ tissarraf ukoll f’esperjenzi ta’ għaqda u parteċipazzjoni.
Fi żmien fejn ħafna drabi nisimgħu aktar dwar dak li jifridna milli dwar dak li jgħaqqadna, inizjattivi bħal dawn ifakkru li kultant bi ftit kulur, ftit kreattività u affarijiet sempliċi nistgħu noħolqu esperjenzi pożittivi li jħallu impatt fuq kulħadd – speċjalment fuq iż-żgħażagħ.
The Malta Records tixtieq tirringrazzja lit-tmexxija tal-iskola għall-merħba sabiħa, kif ukoll lill-istaff, il-ġenituri, il-kuraturi u l-istudenti kollha li bis-saħħa tagħhom din l-attività saret suċċess. Aktar minn rekord, din kienet ċelebrazzjoni ta’ komunità li żammet mat-tema festiva u ħadmet id f’id.
Facebook/ St Francis Secondary School Sliema