Matul dawn l-aħħar jiem Malta kollha waqfet sabiex tgħin lil Sandro Grech li fil-ġlieda tiegħu kontra l-lukimja ġie bżonn is-somma ta’ €500,000 għal operazzjoni li mingħajrha ma jistax jegħleb din il-kundizzjoni.
F’intervista esklussiva ma’ Jon Mallia waqt IL-KAŻIN, Abigail li hija mart Sandro, tirrakkonta kif kien proprju erba’ xhur wara li hi u żewġha laqgħu f’din id-dinja lit-tieni wild tagħhom li skoprew bid-dijanjosi tal-lukimja.
“Għalkemm ma kienx faċli għalina li nrabbuha però lilna għenitna għaliex tal-anqas kuljum għandna xi ħaġa li ġġibilna l-ferħ f’ħajjitna u fil-fatt ngħidu li mn’Alla li l-Mulej bagħtilna lilha,” tistqarr Abigail.
Sandro esprima sens qawwi ta’ gratitudni li maġenbu f’din il-ġlieda kontra l-lukimja għandu lill-imħabba ta’ ħajtu, lil Abigail, li jsostni li ma jafx kif se jaqbad jirringrazzjaha tal-għajnuna kontinwa li tagħtih u talli dejjem tkun hemm għalih, ikunu kemm ikunu diffiċli ċ-ċirkostanzi.
Tkellmu wkoll xi ħbieb u kollegi ta’ Sandro li bħalu huma parti mill-Korp tal-Pulizija. Semmew kif Sandro kien dejjem ifittex li jferraħ lil dawk ta’ madwaru u miegħu kien dejjem iġorr tbissima li għadha tippersisti fuq fommu sal-lum il-ġurnata minkejja l-isfidi u t-tbatija li qed ikollu jaffaċja.
Kuraġġ, Sandro!
YouTube / Il-KAŻIN