€480,867 Miġbura B’Risq Is-Servizzi Ta’ Hospice Malta Waqt It-Telethon ‘Ħajja Sal-Aħħar’

Il-ġenerożità u s-sapport tal-poplu Malti u Għawdxi reġgħet dehret bis-sħiħ waqt it-telethon annwali ta’ Hospice Malta, ‘Ħajja sal-Aħħar’, li din is-sena ġabret is-somma ta’ €480,867 b’risq is-servizzi li l-organizzazzjoni toffri b’xejn fil-komunità.

It-telethon ta’ 12-il siegħa, li xxandret live minn St Michael Hospice nhar il-Ħadd 6 ta’ Lulju, serviet bħala turija ta’ għaqda u solidarjetà, fejn inġabru fondi tant meħtieġa biex jinżammu s-servizzi ta’ Hospice Malta u biex fl-istess waqt tingħata spinta għat-tnedija tal-In-Patient Unit il-ġdid fi ħdan St Michael Hospice f’Santa Venera.





Iċ-Chairperson Bernadette Bonnici Kind esprimiet ringrazzjament sinċier f’isem l-organizzazzjoni: “Ninsabu grati ħafna lejn kull min ikkontribwixxa għat-telethon ta’ din is-sena. Dan is-sapport jagħtina l-enerġija li għandna bżonn biex inkomplu naqdu l-missjoni tant importanti f’mumenti daqshekk delikati għall-pazjent u għall-familji tagħhom. Nistiednu lill-individwi u lis-sidien tan-negozji biex ikomplu jappoġġjawna permezz ta’ donazzjonijiet fuq is-sit elettroniku ta’ Hospice Malta.”

Filwaqt li l-maratona waslet fi tmiema, il-ħidma ta’ Hospice Malta tkompli ta’ kuljum. Hekk kif aktar pazjenti qed ifittxu l-għajnuna, il-ħtieġa għal aktar fondi tibqa’ kruċjali biex jitkompla jingħata s-servizz.

Il-membri tal-pubbliku u n-negozji huma mħeġġa jkomplu jappoġġjaw lil Hospice Malta billi jagħmlu donazzjoni permezz tal-websajt uffiċjali https://hospicemalta.org/supporting-hospice/donations/. Il-kontribuzzjonijiet, irrispettivament mill-ammont mogħti, jgħinu biex jiżguraw li s-servizz u l-għajnuna ta’ Hospice tibqa’ tingħata b’xejn lil dawk li jeħtiġuha.



Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI