Infetaħ uffiċjalment iċ-Ċentru ta’ Matul il-Jum għal Persuni bid-Dimensja f’Tas-Sliema, sabiex ikomplu jissaħħu s-servizzi ta’ appoġġ fil-komunità għal persuni li jgħixu bid-dimensja u għall-familji tagħhom.
Il-proġett kien jikkonsisti f’xogħlijiet ta’ rinnovazzjoni, wara li ġie ffirmat ftehim mal-Kurja f’Marzu 2025 li pprovdiet il-binja. Il-proġett huwa konformi mar-rakkomandazzjonijiet tal-Istrateġija Nazzjonali tad-Dimensja ‘Nilħqu Livelli Ġodda 2024-2031’.
Iċ-ċentru huwa mfassal biex joffri kura speċjalizzata, appoġġ terapewtiku u servizzi ta’ respite lill-familji li ta’ kuljum jiffaċċjaw il-piż emozzjonali, fiżiku u finanzjarju tad-dimensja.
Fost il-faċilitajiet innovattivi tiegħu hemm sensory-room mgħammra b’sistema ta’ projector interattiv li tippermetti attivitajiet immersivi u personalizzati skont il-bżonnijiet tal-individwu.
Iċ-ċentru jinkludi wkoll reminiscence-lounge u spazji oħra ddedikati għal attivitajiet terapewtiċi, rikreattivi u soċjali mmexxija minn professjonisti u carers imħarrġa.
Dawn l-attivitajiet huma mmirati biex isaħħu l-indipendenza, l-interazzjoni soċjali u l-kwalità tal-ħajja tal-persuni bid-dimensja f’ambjent sigur u komdu.