Mużika Mużika Sajf Jintroduċi 7 Kantanti Ġodda Li Jinsabu F'Avventura Interessanti Mmens!

Kull min attenda Mużika Mużika Sajf kellu x-xorti li jisma’ seba’ żgħażagħ ikantaw verżjoni interessanti mmens tal-kanzunetta Xemx, b’arranġament mill-isbaħ! Dawk li ma attendewx l-avveniment li ttella’ b’suċċess dawn l-aħħar jumejn taf ra r-ritratti li ttellgħu fuq il-midja soċjali ta’ Mużika Mużika.





Ritratt: Darren Agius

Dawn is-seba’ żgħażagħ huma:

  • Amber Marie Coleiro
  • Francesca Zammit
  • Haley Azzopardi
  • Kayley Cuschieri
  • Kylie Meilak
  • Nedved Galea
  • Tristan Micallef

Amber Marie Coleiro (18-il Sena)

Amber tista’ tgħid li għamlet id-debutt tagħha fix-xena permezz tal-Għanja tal-Poplu tas-sena li għaddiet fejn ikkompetiet bil-kanzunetta Mediterran. Meta kienet żgħira ħadet sehem f’diversi konkorsi żgħar li żgur għenuha tibda din it-triq fil-mużika. 

Francesca Zammit (21 Sena)

Francesca għamlet id-debutt tagħha fix-xena lokali permezz tal-Għanja tal-Poplu fl-2019 fejn interpretat il-kanzunetta Din Għalik fuq kompożizzjoni tagħha stess. Barra minn hekk kmieni din is-sena Francesca ħadet sehem fl-ispettaklu KantaMagħna mtella’ minn D Capitals Big Band. 

Haley Azzopardi (17-il Sena)

Haley għadha friska mis-suċċess fl-Għanja tal-Poplu ta’ din is-sena fejn kisbet it-tieni post bil-kanzunetta Is-Serena Li Welldet It-Tama iżda dawk midħla tax-xena lokali jiftakru lil Hayley f’konkors oħra fosthom f’Sanremo Junior, The Entertainers Singing Challenge u anke rajnieha tagħmel l-audition tagħha f’X Factor Malta. 

Kayley Cuschieri (18-il Sena)

Kayley għalkemm żagħżugħa kellha ċ-ċans li tikkompeti f’diversi konkorsi lokali. Fl-2014 rebħet il-Konkors Kanzunetta Indipendenza Junior, ħadet sehem fl-Għanja tal-Poplu Żgħażagħ, fil-Malta Junior Eurovision Song Contest, ippreżentat żewġ kanzunetti fl-Għanja tal-Poplu tas-sena 2019 u 2020 u ħadet sehem fil-Konkors Kanzunetta Indipendenza.

Kylie Meilak (17-il Sena)

Kylie mill-banda l-oħra wkoll wiċċ kemxejn familjari. Rajnieha fil-Konkors Kanzunetta Indipendenza Junior, rajnieha fil-Malta Junior Eurovision u rajnieha wkoll fis-Six Chair Challenge ta’ X Factor Malta. Din s-sena ħa tkun qed tagħmel id-debutt tagħha ġo festival mal-adulti meta tieħu sehem fil-Konkors Kanzunetta Indipendenza. 

Nedved Galea (19-il Sena)

Nedved isem ieħor familjari, hekk kif rajnieh fil-Konkors Kanzunetta Indipendenza tal-2018, fl-Għanja tal-Poplu tal-2019 u wkoll fl-edizzjoni ta’ din is-sena fejn preżenta l-kanzunetta Kunċert Impromptu fi dwett ma’ Thea Gauci! Lil Nedved rajnieh ukoll fil-fażi tas-Six Chair Challenge f’X Factor Malta ta’ sentejn ilu.

Tristan Micallef (16-il Sena)

Tristan Micallef hu kantant relativament ġdid, is-sena li għaddiet ħa sehem għall-ewwel darba ġo konkors lokali permezz tal-Konkors Kanzunetta Indipendenza Junior. Hu persuna mużikali ħafna u jħobb ħafna l-musical theatre. Jidher li l-mużika tinsab fil-familja ta’ Tristan.  



Ritratt: Darren Agius

Dawn iż-żgħażagħ li ġew magħżula permezz ta’ sejħa pubblika minn Festivals Malta x-xahar li għadda, ħa nibdew narawhom kull ġimgħa fuq il-programm li ħa jkunu qed iniedu Mużika Mużika minn Ottubru li ġej. Dan il-programm ħa jkun qed isegwi l-vjaġġ ta’ dawn is-seba’ kantanti li lkoll qed jikkompetu għall-post prestiġjuż fis-semifinali ta’ Mużika Mużika li ħa jittella’ lejn l-aħħar ta’ Marzu tal-2022.

Din hi opportunità tad-deheb għal dawn is-seba’ żgħażagħ li għalkemm ilkoll kellhom esperjenzi fix-xena lokali, qatt ma kellhom xi ħaġa kbira bħal din. Ninsabu ħerqana biex naraw il-proċess li ħa jkunu għaddejjin minnu fil-ġimgħat li ġejjin.

Darren Agius

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI