Kont Taf Kif Bdiet Il-Festa Tal-Halloween?

Bħal-lum, fil-31 ta’ Ottubru kull sena tiġi ċċelebrata l-festa tal-Halloween mad-dinja kollha.  Din isseħħ ġurnata qabel il-festa ta’ jum il-qaddisin kollha li tiġi mfakkra fl-ewwel ta’ Novembru. 

Kemm it-tfal kif ukoll il-kbar jgawdu l-Halloween bi tradizzjonijiet differenti. Fost dawn it-tradizzjonijiet insibu t-tiżjin tad-djar u l-faċċati b’ħafna figuri tal-biżà, l-ilbies ta’ kostumi differenti b’konnotazzjonijiet mal-mewt u d-dmija u t-tnaqqix fil-qargħa ħamra.  Ħafna jassoċjaw din il-ġurnata wkoll mal-famuż “Trick or Treating” fejn in-nies imorru jħabbtu l-bibien ta’ bosta djar fir-raħal u jsaqsu għall-ħelu u l-ġuġù u jekk ma jirċievu xejn, ipattulhom b’xi mod jew ieħor.   

Madanakollu, ftit li xejn jafu l-oriġini ta’ din il-festa u minn fejn ġej l-isem tagħha.  It-tradizzjoni orġinat proprju minn festival pagan antik imsejjah Samhain li fih in-nies kienu jqabbdu l-ħġejjeġ tan-nar u jilbsu l-kostumi bl-għan li jgerrxu l-ispirti.  Fis-seklu 8, imbagħad il-Papa Gregorju III iddikjara l-ewwel ta’ Novembru bħala l-ġurnata li fiha għandhom jiġu onorati l-qaddisin kollha, iżda f’din il-ġurnata bdew jidħlu wkoll it-tradizzjonijiet ta’ Samhain. 

Il-lejl ta’ qabel jum il-qaddisin kollha kien magħruf bħala “All Hallows Eve” u b’hekk din iktar tard inbidlet għal Halloween, u baqgħet magħrufa hekk sal-lum il-ġurnata! 

Tiċċelebrah il-Halloween?







Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI