Aktar minn elf persuna s’issa iffirma petizzjoni sabiex il-maskri ma jibqgħux obbligatorji f’kull post fl-iskola. Din il-petizzjoni tagħmel appell lill-awtoritajiet lokali sabiex l-istudenti jkunu jistgħu jneħħu l-maskri la darba jkunu bilqiegħda fuq l-iskrivaniji tagħhom. Ara x’punti jressqu eżatt!
“Bħala ġenituri… nifhmu l-importanza tal-protokolli ta’ sigurtà ppubblikati u aġġornati reċentement għas-settur edukattiv bil-għan li tittaffa t-tixrid ta’ Covid-19 f’diversi istituzzjonijiet.”

“Dawn il-linji gwida jirrikonoxxu l-bilanċ delikat bejn il-benefiċċju u r-riskju bejn il-protezzjoni mill-infezzjoni u l-konsegwenzi li tali miżuri għandhom fuq il-kisba edukattiva u l-interazzjoni soċjali tat-tfal fl-iskola.”
“Barra minn hekk, il-linji gwida għas-settur edukattiv jirreferu għal riskju baxx ħafna ta’ tfal jew adulti żgħar li jimirdu serjament u li jeħtieġu l-isptar minn infezzjoni bil-virus COVID-19 b’riskju saħansitra aktar baxx ta’ mewt.”

“Għal din ir-raġuni, filwaqt li nħaddnu l-protokolli covid-19 rakkomandati għas-settur edukattiv, bħala ġenituri, aħna qed ningħaqdu flimkien biex nopponu l-ilbies obbligatorju tal-maskra l-ħin kollu – għat-tieni sena konsekuttiva.”
“Biex niżguraw li t-tfal jistgħu jirnexxu fl-ambjent skolastiku, nitolbu lill-gvern u lill-awtoritajiet tas-saħħa pubblika biex ma jagħmlux obbligatorju li l-istudenti jkollhom jilbsu maskra tal-wiċċ fil-klassijiet waqt il-ħin tal-lezzjoni.”

“Għalkemm aħna nappoġġjaw l-ilbies tal-maskra f’żoni komuni, waqt il-ħinijiet li t-tfal jaslu u jinġabru mill-iskola, fuq it-trasport tal-iskola u waqt assembleys, nipproponu li, apparti minn meta jkunu qed jieklu jew jagħmlu attività fiżika, it-tfal għandhom jitħallew ukoll ineħħu l-maskri tagħhom waqt li jkunu bilqiegħda fuq l-iskrivaniji tagħhom fil-klassijiet li huma ventilati u għandhom skrivaniji b’distanti soċjali.”
“Dan huwa konformi ma’ dak li qed iseħħ internazzjonalment, bħal fl-Ingilterra, l-Iżvezja, l-Olanda u d-Danimarka.”
Wieħed jista’ jara aktar dwar il-petizzjoni HAWN u dawk li jixtiequ jiffirmawha jistgħu jagħmlu dan ukoll.