Permezz ta’ kitba fuq il-paġna tagħhom fuq Facebook, Dipartiment tal-Informazzjoni qasmu mas-segwaċi tagħhom ftit informazzjoni rigward proġett ta’ restawr li beda fuq il-Knisja ta’ San Bartilmew fiż-Żurrieq.
Huma qalu, “Jingħata bidu għal xogħol ta’ restawr fuq il-Knisja ta’ San Bartilmew fiż-Żurrieq. Beda x-xogħol ta’ manutenzjoni u restawr fuq il-Knisja ta’ San Bartilmew, li tinsab fiż-Żurrieq fl-inħawi magħrufa bħala tax-Xarolla, sabiex terġa’ lura għall-istat oriġinali tagħha. Ix-xogħlijiet, li qed isiru mid-Dipartiment tar-Restawr u Preservazzjoni, huwa mistenni li jitlestew sa Frar 2025.”
Żiedu, “Oriġinarjament fuq dan is-sit kienet tinsab kappella iżgħar iddedikata lill-istess qaddis, mibnija fl-1482. Fl-1775, inbeda l-proċess biex tinbena knisja akbar u tlestiet fl-1784.”
Qalu wkoll, “Ix-xogħlijiet relatati ma’ dan il-proġett ta’ restawr se jinkludu, fost oħrajn, li l-aperturi kollha tal-knisja se jiġu rranġati u miżbugħa mill-ġdid; se jiġi restawrat il-bieb prinċipali; se jsiru xogħlijiet ukoll fuq il-bejt tal-Knisja u l-koppla; se jsir tikħil mill-ġdid b’taħlita bbażata fuq il-ġir fuq il-faċċata tal-Knisja, magħżula biex taqbel mal-kulur tal-ġebla oriġinali u se jinbidlu ġebel deterjorati fejn huwa meħtieġ.”
Facebook/Marisa D’Amato Kunsillier Zurrieq