L-MSPCA u l-Foodbank Lifeline ingħaqdu flimkien ma’ fornitur tal-ikel għall-annimali domestiċi biex jgħinu lill-annimali domestiċi fl-għalf ta’ nies li ma jistgħux ilaħħqu mal-ħtiġijiet bażiċi. Sfortunatament hemm diversi nies li qed jitħabtu finanzjarjament u jridu jaqsmu l-ftit ikel li għandhom mal-annimali tagħhom.
Foodbank Lifeline hija fondazzjoni li bdiet 10 snin ilu, li tgħin u tipprovdi ikel lil bejn 250 u 300 familja fil-ġimgħa li qed jiffaċċjaw kriżi. L-ikel jingħata minn membri tal-entitajiet pubbliċi u privati.
Din l-inizjattiva nħolqot meta l-fondazzjoni rat li ħafna min-nies li jeħtieġu s-servizzi tal-fondazzjoni, għandhom annimali domestiċi.
Organizzazzjonijiet jew individwi li jixtiequ jappoġġjaw lill-MSPCA, jikkollaboraw jew jagħtu donazzjoni jistgħu jagħmlu kuntatt fuq petfoodbank@maltaspca.org. Aktar informazzjoni fuq www.foodbanklifeline.com.
MSPCA/Foodbank Lifeline