Ciao Ciao. Ġieli ġralek li tkun qed twassal lill-mistednin tiegħek lejn il-bieb, tgħidilhom ciao u biex isuqu bil-mod, imma t-tislima tiġġebbed għal konversazzjoni ta’ xi 20 minuta? Ħeqq, u xi kultant anke tliet kwarti jew saħansitra iktar minn siegħa.
Din l-istorja titkellem dwar erba’ koppji li donnhom irnexxielhom itawwlu t-tislima tagħhom sal-għada filgħodu. Żewġt iħbieb minn żmien l-iskola jaħbtu f ’xulxin b’kumbinazzjoni wara ħafna snin. Waħda minnhom tistieden lill-oħra għall-ikel id-dar tagħha, fejn ilaqqgħu wkoll l-irġiel tagħhom. Imma kemm inbidlu minn żmien l-iskola? U x’hemm moħbi wara t-tbissim u l-pulitezzi? Fl-aħħar tal-ikla, mal-bieb ta’ barra, sensiela ta’ Ciao Ciao-ijiet twassal għal ġrajjiet li jħallu konsegwenzi li ma jistgħux jitreġġgħu lura, u li jaffettwaw lil dawk ta’ madwarhom.

Raġel jiltaqa’ ma’ mara Dingli Cliffs, u bla ħsieb, is-serata tiżviluppa f’sigħat ta’ konversazzjoni u avventura. Ir-raġel jinduna li wara ħafna snin, fl-aħħar qed jerġa’ jħoss xi ħaġa, u ma jridx jemmen li x-xorti qed terġa’ titbissimlu. Tfajla u ġuvni jiltaqgħu u jikklikkjaw bil-kbir fuq il-passjoni tagħhom lejn il-mużika. Tgħid ir-relazzjoni tagħhom tiżviluppa jew il-ħajja qed tikkonfoffa biex tifridhom?

X’inhi r-rabta bejn dawn l-istejjer kollha? U dawn il-mumenti ta’ Ciao Ciao bla tmiem, veru li kienu l-kawża ta’ ċertu konsegwenzi? Il-filmmaker Malti u direttur ta’ Ciao Ciao Keith A. Tedesco, magħruf għal Uwijja u Serena, ingħaqad mal-atturi Antonella Axisa, Chris Dingli, u Mikhail Basmadjian biex flimkien kitbu l-istorja ta’ Ciao Ciao.

L-istess tliet atturi jidhru wkoll fil-film flimkien ma’ Simone Spiteri, Kevin Naudi, Ruth Borg, Ryan Debattista, Katrina Lupi, u Matthew Sant Sultana. B’ċinematografija mirquma u interpretazzjonijiet satiriċi mill-aqwa, din l-istorja oriġinali, li se tintwera f ’Marzu 2025, żgur li b’xi mod se tolqot lil kull min se jsegwiha.