Ftit tal-ħin ilu tħabbret il-mewt ta’ Vinnie Vella, mużiċist li ta kontribut siewi fil-qasam mużikali lokali. Żgur li hi telfa li bosta se jħossu u ġa rajna diversi messaġġi biex ifakkru l-memorja għażiża tiegħu.
In-neputi tiegħu Jamie Vella jikteb, “In-nannu – leġġenda vera minn kull aspett – miet dalgħodu. Għal ħafna jibqa’ mfakkar bħala l-Meastro akbar mill-ħajja, għalina kien sempliċement ‘in-nannu Vinny’, iċ-ċentru tal-familja tagħna. Grazzi Nann għall-imħabba, l-għerf, il-memorji u, grazzi tal-mużika. Id-dettalji tal-funeral jitħabbru dalwaqt.”
Il-kantant u mużiċist Mark Spiteri Lucas kiteb, “Ftit ilu ħadt l-aħbar li ħalliena leġġenda mużikali oħra – Vinny Vella, li flimkien ma’ bosta mużiċisti oħrajn, ħafna minnhom Beltin bħal Vinny, taw kontribut kbir fl-iżvilupp tax-xena mużikali lokali mit-tieni nofs tas-seklu għoxrin. Strieh fis-sliem maestro u grazzi ta’ kemm ferraħt nies bil-mużika tiegħek. Kondoljanzi sinċiera lill-familjari.”
F’isem it-tim ta’ Gwida, ngħaddu l-kondoljanzi tagħna lill-familja kollha tiegħu u nirringrazzjawh tax-xogħol tiegħu fl-industrija lokali. Strieħ fis-sliem għażiż!