Dmitriy Stuzhuk, influencer mill-Ukraina, ġie infettat bil-Covid-19 waqt li kien imsiefer fit-Turkija. Malli wasal fl-Ukraina ttieħed l-isptar fejn sarlu t-test tal-Covid-19, li rriżulta pożittiv.
Dmitriy ta’ 33, li kien jippromwovi s-saħħa fiżika, kien qal li hu kien jaħseb li l-Covid-19 mhux vera jeżisti, iżda malajr irrealizza li kellu żball meta hu stess marad b’dan il-virus.
Huwa ġie rilaxxat mill-isptar wara tmint ijiem, iżda l-virus baqa’ jippersisti u kkawżalu kumplikazzjonijiet f’qalbu.
Wara li reġa’ ddaħħal b’urġenza l-isptar, l-eks mara tiegħu Sofia kitbet fuq il-media soċjali li huwa kien jinsab mitluf minn sensih u f’kundizzjoni gravi. Qalet li qalbu ma kinitx qed tlaħħaq hekk kif il-virus attakkalu s-sistema kardjovaskulari.
Ftit wara hija ħabbret li Stuzhuk kien tilef ħajtu. Sofia qalet li kienet ippruvat minn kollox biex tgħinu iżda ma seta’ jsir xejn aktar.
“Ħallieli memorji mill-isbaħ, ġmiel ta’ tlett itfal u esperjenza imprezzabbli”, qalet Sofia ta’ 25 sena.