Permezz ta’ kitba fuq il-paġna tagħhom fuq Facebook, Santwarju Madonna tal-Ħerba qasmu mas-segwaċi tagħhom ġrajja ħelwa ta’ koppja li saru ġenituri wara li talbu f’dan is-santwarju, hekk kif ma setgħux isiru ġenituri.
Huma qalu, “Fl-1911, kien hemm koppja miżżewġa, Pietru, u Ġużeppa. Kien ilhom miżżewġin xi sentejn u dejjem xtaqu li jkollhom it-tfal. Iżda għalkemm Ġużeppa kienet tkun tqila, dejjem spiċċat b’xi korriment. Marija, ħabiba tagħha, meta kienet taraha qalbha sewda, kienet titħassarha. Jum wieħed, qaltilha: “Ġuż, nixtieqek tiġi miegħi sas-Santwarju tal-Madonna tal-Ħerba. Għid lil Pietru jiġi magħna u ngħidu r-rużarju quddiem ix-xbieha tal-Madonna.” Pietru wkoll kien lest li jagħmel minn kollox biex jikkuntenta lil martu u aċċetta li jmorru fis-Santwarju tant devot. Pietru u Ġużeppa kienu joqogħdu l-Ħamrun, għalhekk il-Ħadd, flimkien ma Marija, marru s-Santwarju tal-Ħerba bil-karozzin u kif telqu, qadu jgħidu r-rużarju.”
Żiedu jgħidu, “Waslu quddiem is-Santwarju u kif Ġużeppa daħlet u rat il-kwadru tal-Madonna, d-dmugħ beda ħiereġ minn għajnejha. Sabu tliet siġġijiet u niżlu għarkupptejhom. Raddew is-salib u f’salt waqa’ skiet kbir, waqt li kompla nieżel id-dmugħ minn għajnejn Ġużeppa. Pietru kiser is-skiet u qal: “Ġuż, issa ħallik mill-biki, nħarsu lejn il-Madonna u nerġgħu nibdew ir-rużarju.” “Stenna ftit Piet,” qaltlu Ġużeppa, “Jiena qiegħda nitlob u naf li l-Madonna qiegħda tismagħni.” U kompliet titlob: “Madonna jiena nħobbok u nemmen li jekk għandu jkun ta’ ġid għalija, inti tista’ taqlagħli l-grazzja li tant ilni nixtieq.” Ġużeppa xxuttat id-dmugħ minn għajnejha u daret lejn Pietru u Marija: “Qalbi strieħet. Nibdew ir-rużarju. U b’fidi qawwija li l-Madonna tisma’ t-talba tagħhom qalu r-rużarju b’devozzjoni kbira. Wiċċ Ġużeppa kien jiddi bil-ferħ. Kienet tħoss f’qalbha li l-Madonna kienet semgħet it-talba tagħha. Sena wara Pietru u Ġużeppa kellhom iben u semmewh Victor.”
Temmew billi qalu, “Pietru u Ġużeppa reġu marru fis-Santwarju tal-Madonna tal-Ħerba, din id-darba biex jirringrazzjaw lill Madonna għal dak li għamlet magħhom u fl-istess ħin jippreżentawlha lil binhom biex tbierku u sseddqu.”