Il-paġna Social Channel Malta, li aktar ma jmur aktar qed issir popolari qasmet aħbar li dawk li jmorru l-Belt ta’ spiss u forsi żaru lil dan il-ħanut żgur ħa jiddispjaċihom dwar dan. “B’dispjaċir ikollna nħabbru aħbar li wasslitilna Kafetterija fil-Belt Valletta tagħlaq il-bibien għall-aħħar darba,” hekk ħabbret din il-paġna.
Il-Kafetterija Prego mmexxija mill-familja Bezzina ddeċidiet li tagħlaq il-bibien tagħna wara 74 sena servizz. Huma ilhom imexxu dan il-ħanut mill-1946 u wieħed jista’ jgħid li għandhom reputazzjoni mill-aqwa għal kif kienu jmexxu dan il-ħanut. Ħanut li kien mimli b’ikel mill-ifjen u servizz dejjem bi tbissima.
Il-paġna Social Channel Malta għalqet b’dan il-kliem, “Minn qalbna nawgurawlhom u nirringrazzjawhom tas-servizz li taw lill-komunità. Żgur li mhux ħa ninsew.” Aħna ningħaqdu magħhom, għal ħafna ż-żjara fil-Belt ħa tkun kemxejn differenti d-darba li ġejja.