Jidher li l-mewt tal-papri fis-Salina qed iġib miegħu riskju wkoll għas-saħħa pubblika dan għaliex skont rapport li deher fuq Lovin’ Malta, l-mijiet ta’ papri li mietu fis-Salina tul dawn l-aħħar ġimgħat kienu infettati bl-influwenza tat-tjur magħrufa bħala l-Bird Flu u bis-salmonella. Dan il-fatt ġie mqajjem mill-awtoritajiet.
Ħafna kummenti fuq il-mezzi soċjali, inkluż fuq il-paġna tagħna bdew jissuġerixxu li l-papri qed imutu minħabba l-istat tal-ilma tal-post, dan minħabba li bis-sħana l-ilma kien qed jiffermenta.

Madankollu, testijiet li saru mid-Diviżjoni Regolatorja Veterinarja qalu li huwa ċar li l-papri huma infettati bl-influwenza tat-tjur u s-salmonella. Dan ifisser li mhumiex biss riskju għall-ħajja selvaġġa u l-ambjent, iżda wkoll għas-saħħa pubblika u l-ikel.
Probabli wieħed jistaqsi imma kif? Ir-raġuni hi minħabba possibiltà ta’ trasmissjoni ta’ mard bħal dan għal tjur oħra fl-istess żona.

Il-problema tidher li hi li dawn il-papri domestiċi salvaġġi mhumiex nattivi għall-gżejjer tagħna skont l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi. Infatti l-għajxien tagħhom jiddependi minn fatturi esterni u l-intervent uman, dan joħloq żbilanċ fl-istat naturali tal-ilma u anke tal-biodiversità taż-żona.
L-ERA ħarġet ukoll Ordni ta’ Waqfien u Konformità (OWK) dwar din il-kwistjoni aktar kmieni, u minħabba dan saru ta’ testijiet bħal dawn li ħarġu b’riżultati fattwali.