Ftit jiem ilu ltqajna ma’ filmat mużikali li fih jidhru żewġ maħbubin li għadhom kemm qalu iva lil xulxin. Apparti li l-mużika forsi hi xi ftit differenti mis-soltu għall-vidjo mużikali tat-tieġ, u bil-lingwa Maltija, fil-fatt dan kien propju t-tnedija tal-aħħar kanzunetta mingħand Kapitlu Tlettax, Inħobbok.
Il-kliem tal-kanzunetta huwa wieħed romantiku u sentimentali immens bir-ritornell:
“Beda jkala s-siparju, nżul ix-xemx
U għadna mgħannqin, dan il-jum
Li wisq speċjali, fejn sirna tnejn ta’ xulxin
Sa ħlifna qiddiem Alla li fit-tajjeb u l-ħażin
Fis-saħħa, fil-mard,fid-deni l- ġid nibqgħu
It-tnejn, dejjem ta’ xulxin…”
Il-filmat juri lil din il-koppja ħelwa qabel it-tieġ, f’diversi postijiet madwar Malta. Fil-qalba tal-kanzunetta tidher xena mill-aqwa waqt it-tieġ b’Kapitlu Tlettax fl-isfond ikantaw. Lejn l-aħħar il-koppja tibqa’ bl-ilbies tat-tieġ, din id-darba f’atmosfera serena u b’veduti mill-aqwa li għandna f’pajjiżna.
Awguri lil din il-koppja u prosit kbira lil Kapitlu Tlettax ta’ din is-silta romantika u sentimentali immens!