Fuq il-paġna tagħha, Amber qasmet memorja mill-isbaħ. “Mumenti speċjali li nibqa’ ngħożż. Ikolli nistqarr ukoll ili dawn il-mumenti mhux dejjem kienu faċli anqas. Tara minn kollox. Tara u tgħix il-faqar, thoss l-uġigħ u n-niket ta’ omm li m’għandhiex x’titma lil uliedha, tħoss u tisma’ l-karba ta nies muġugħa, bla dar, bla saqaf, bla neċċessitajiet bażiċi,” tistqarr Amber.
Tkompli tgħid, “Iżda nħoss ukoll il-ferħ u l-paċi li jittrażmettu. Ma jfissirx li huma kuntenti. Imma għax huma kapaċi japprezzaw l-mument li qegħdin fih u japprezzaw is-sempliċità. Ftit snin ilu, jien u sħabi waqqafna għaqda bl-isem ta’ Mzungu Mission.”
Amber tispjega kif tul is-snin irnexxielhom jagħmlu diversi proġetti, bnew Ħalf Way Home għaż-żgħażagħ li qed jistudjaw biex isiru saċerdoti u sorijiet, fetħu dormitorju għat-tfajliet stuprati u fetħu skola għal dawn l-istess tfajliet. Ovvjament Amber tisħaq l-importanza tal-edukazzjoni f’dawn il-postijiet.
Amber tistqarr, “F’dawn iż-żminijiet ta’ pandemija madwar id-dinja, moħħi ma jiqafx jaħseb fihom. Mhiex faċli tgħix f’villaġġ remot, f’nofs semi-deżert, bla ikel, bla ilma, bla mediċina, wisq inqas tobba. Imma l-iktar ħaga kiefra hi li ma jistgħu jagħmlu xejn f’dawn il-mumenti.”
Tagħlaq b’messaġġ pożittiv ferm, “Ejja nkunu grati għal dak li għandna. Tiddejjaqx tgħid grazzi lil min jgħinek jew iridlek il-ġid. Tiddejjaqx turi l-apprezzament tiegħek ma ħaddieħor. Tiddejjaq qatt tgħin lil ħaddieħor.”