30 Kantant Jaslu Għall-Finali Ta’ Kantamagħna 2026 – Awguri Mill-Qalb!

Il-festival tant maħbub Kantamagħna u Kantamagħna Junior issa daħal fl-aħħar fażi tiegħu hekk kif tħabbru b’mod uffiċjali t-30 finalist li se jitilgħu fuq il-palk waqt il-finali. DCapitals Big Band qalu li jinsabu ferm kburin b’dawn il-kantanti żgħażagħ u adulti li wrew talent, ħeġġa u professjonalità matul l-istadji kollha tal-kompetizzjoni. Il-ħila tagħhom verament dehret, u issa dawn se jkunu qed jagħmlu pass ’il quddiem f’dan il-vjaġġ mużikali uniku.

Prosit lill-finalisti kollha. Kull min wasal sa din il-fażi għandu għalfejn iħossu kburi. Il-livell ta’ din is-sena kien straordinarjament għoli u l-ġurija kellha biċċa xogħol diffiċli biex tagħżel fost tant parteċipanti b’talent straordinarju. Għalhekk, prosit mill-qalb lil dawk li ħadmu bla heda, taw kollox u issa għandhom iċ-ċans jitħabtu għat-titlu prestiġġjuż ta’ Kantamagħna 2026.



Huma jgħidu wkoll grazzi lill-parteċipanti kollha. Anki dawk li ma waslux għall-finali għandhom jingħataw rikonoxximent speċjali. Kull min applika kellu l-kuraġġ juri t-talent tiegħu u jkun parti minn edizzjoni li kienet mimlija enerġija, emozzjoni u livell artistiku għoli.



Il-finali se ssir nhar il-Ħadd 18 ta’ Jannar 2026 fil-17:00 fit-Teatru Astra, Għawdex. Se tkun serata ta’ emozzjoni, spettaklu u mużika mill-aqwa fejn il-finalisti se jagħtu l-aħjar tagħhom quddiem il-pubbliku u l-ġurija li qed tistenna b’entużjażmu biex tisma’ dak li għandhom x’joffru. Il-kantanta rebbieħa tal-2025 Thea Aquilina mistennija tingħaqad mal-kantanti residenti biex joffru spettaklu kif jaf jagħmlu DCapitals Big Band.

Hekk kif tersaq il-finali, żommu għajnejkom fuq l-aġġornamenti tagħna. Aktar informazzjoni dwar l-avveniment, il-finalisti u dak li se jħejji l-festival se joħroġ fil-jiem li ġejjin. Sa dakinhar, awguri mill-qalb lil kull finalist u grazzi lil kulħadd li jagħmel Kantamagħna avveniment speċjali kull sena.



Ritratti:

Facebook / Thea Aquilina

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI