‘Għandna Ħolma: Futur Mingħajr Vjolenza’ – Il-Vjolenza Domestika Tħalli Timbru Fuq Min Imiss Magħha

Il-vjolenza domestika, f’kull forma tagħha, tħalli timbru fuq dawk kollha li jmissu magħha. F’kull sitwazzjoni abbużiva, l-effetti psikoloġiċi li jġorru l-vittmi u  t-tfal, huma konsegwenzi li jibqgħu jinġarru u jinħassu tul il-ħajja kemm tal-persuni affettwati u kif ukoll ta’ dawk qrib tagħhom.

Il-kampanja ‘Għandna Ħolma: Futur Mingħajr Vjolenza’ titratta dwar dawn l-elementi u fl-aħħar ġranet, il-Kummissjoni dwar il-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika u s-Segretarjat Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi ħejjew diversi inizjattivi sabiex jinfirex kemm jista’ jkun għarfien dwar ir-realtajiet diversi tal-vjolenza abbażi tal-ġeneru u l-vjolenza domestika.

Sabiex l-iskop ewlieni ta’ din il-kampanja jintlaħaq, il-Kummissjoni dwar il-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika u s-Segretarjat Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi, ħadmu id f’id mal-grupp The Travellers sabiex iniedu kanzunetta li tiġbor fiha l-emozzjonijiet ta’ tifel li qed jara l-abbuż iseħħ bejn il-ġenituri tiegħu. Il-ħolma ta’ dan it-tifel hija propju li jipproteġi lill-ommu mill-abbuż li qed tesperjenza u li jgħix f’dar serena mingħajr ebda forma ta’ vjolenza.

Din il-kanzunetta tmiss ukoll lill-aggressur u tħeġġu sabiex ifittex l-għajnuna professjonali ħalli b’hekk ikun jista’ jibda l-proċess biex jintebaħ bl-uġigħ li qed jikkawża u jfittex servizzi professjonali li jgħinuh jittrasforma l-imġiba abbużiva tiegħu għal waħda pożittiva.



It-tfal jassorbu dak kollu li jiġri madwarhom. Kemm jekk qegħdin jistaħbew f’kamrithom, jew qegħdin moħbija wara l-ħajt jaraw u jisimgħu t-tgħajjir, it-theddid, l-għajjat, it-tisbit, u s-swat, it-tfal irabbu sens ta’ biża’, ansjetà, dwejjaq, rabja jew dispjaċir. Bħalma jħossu l-vittmi tal-vjolenza domestika, uħud mit-tfal anke jaħsbu li dak li qed jiġri huwa ħtija tagħhom.



Mill-banda l-oħra, dawk li jkunu qegħdin jesperjenzaw il-vjolenza jsibu ruħhom maqbudin fir-relazzjoni abbużiva u jħabbtu wiċċhom ma’ bosta sfidi li ma jagħmluha xejn faċli biex wieħed jaqbad u joħroġ mir-relazzjoni abbużiva. L-abbuż inaqqar mid-dinjità tal-individwu u wara ħafna esperjenzi abbużivi, il-vittma ssibha diffiċli sabiex trabbi kuraġġ fiha nfisha u tfittex l-għajnuna.



Barra minn hekk, sfidi bħall-flus, l-akkomodazzjoni u t-trawma li tinġema matul is-snin ikomplu jaqtgħu il-qalb ta’ dawn il-persuni. Forsi xi drabi, il-vittmi jibqgħu f’relazzjoni abbużiva anke minħabba t-tfal però meta t-tfal ikunu f’ambjent fejn qed jaraw l-abbuż, ikunu f’riskju għoli li meta jikbru huma wkoll jisfaw jew vittmi tal-vjolenza domestika jew l-attitudnijiet tagħhom jiżvolġu f’imġiba abbużiva.

Sabiex nindirizzaw l-isfida tal-akkomodazzjoni u nqawwu qalb il-vittmi sabiex joħorġu mill-abbuż, is-Segretarjat Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi u l-Kummissjoni dwar il-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika flimkien mal-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal u l-Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli nedew skema ta’ akkomodazzjoni li tkun ta’ sostenn għal min jesperjenza l-vjolenza domestika. L-għan hu li nkomplu nipproteġu lill-vittmi u niżguraw li jgawdu mill-indipendenza u s-sigurtà.

Min iwettaq l-abbuż ukoll għandu bżonn għajnuna professjonali sabiex jintebaħ li bl-aġir tiegħu qed iweġġa’ lil dawk qrib tiegħu u jbiddel l-imġiba tiegħu għal waħda li tagħti valur lill-komunikazzjoni, ir-rispett u l-kunsens. Sabiex tassew il-vjolenza domestika tieqaf, jeħtieġ li min iwettaqha jindirizza l-problemi tiegħu u jaħdem fuqu nnifsu permezz tat-terapija u l-edukazzjoni. Is-servizz STOP! The Violence and Abuse joffri din l-għajnuna lil min jikkommetti l-vjolenza domestika u l-vjolenza abbażi tal-ġeneru.

Permezz ta’ tal-kampanja ‘Għandna Ħolma: Futur Mingħajr Vjolenza’, li hija mżewqa b’diversi attivitajiet, qed jinxtered iżjed għarfien dwar kif il-vjolenza domestika tolqot lill-vittmi u lil tfal li huma vittmi tal-vjolenza domestika, inklużi dawk li jkunu xhieda tal-vjolenza bejn il-ġenituri, filwaqt li tisħaq dwar l-importanza li min iwettaq il-vjolenza domestika jerfa’ responsabiltà u jfittex l-għajnuna professjonali sabiex jiġu indirizzati imġiba u attitudnijiet abbużivi.

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI