Il-film mużikali ikoniku Wicked wasal fiċ-ċinema Maltija riċentament, bit-tieni parti tiegħu Wicked: For Good hekk kif beda jintwera mill-21 ta’ Novembru 2025 u mill-ewwel ġibed lejh folla ta’ spettaturi kurjużi li tant kienu ilhom jistennewh. Ibbażat fuq il-ħbiberija kumplessa bejn Elphaba u Glinda, l-istorja mill-ewwel qajmet kurżità u diskussjoni fost il-pubbliku. Filwaqt li xi spettaturi f’Malta faħħru l-film għall-mużika brillanti ta’ Stephen Schwartz, il-viżwali spettakolari u l-plott emozzjonali bejn il-protagonisti, oħrajn ħassew li dan il-film magħqud ma’ ta’ qablu huwa twil wisq jew ftit teatrali għal min mhux daqshekk midħla ta’ dan il-ġeneru.
Filwaqt li mhux kulħadd jesprimi ruħu fuq il-midja soċjali, is-swali taċ-ċinema huma evidenza biżżejjed li Wicked for good bħalissa qed jiġbed bosta nies lejh b’segwaċi Maltin li saħansitra marru jarawh bosta drabi. Għaldaqstant, b’mod ġenerali l-kummenti lokali onlajn, huma maqsuma: l-ewwel parti tal-film ġiet milqugħa b’ħafna tifħir, filwaqt li t-tieni parti għandha opinjonijiet aktar imħallta.
Finalment, ħaġa waħda hija ċara – Wicked mhuwiex biss film iżda esperjenza kulturali li laqtet il-qalb ta’ miljuni madwar id-dinja u l-effett tiegħu inħass anke mal-pubbliku Malti b’diversi dibattiti dwar l-istorja u l-messaġġi tiegħu. L-ewwel film kien milqugħ b’ħafna emozzjoni u ferħ mill-pubbliku lokali; issa jibqa’ biss naraw jekk it-tieni kapitlu huwiex se jħalli marka daqstant b’saħħitha fuq il-Maltin bħal ma għamel l-ewwel wieħed.
Facebook/ The Embassy Cinemas