Il-President tal-Parlament Ewropew, Roberta Metsola, inawgurat presepju Għawdxi li tpoġġa fiċ-ċentru tal-istituzzjoni Ewropea. Il-presepju, rigal mill-Għaqda Presepisti Għimmanu-El ta’ Għajnsielem, se jagħti preżenza permanenti lill-arti Maltija fil-qalba tal-Parlament f’dan l-istaġun festivi.
Il-President Metsola spjegat li din is-sena l-presepju ġie installat f’wieħed mill-aktar spazji prominenti tal-binja, biex ikun jista’ jitgawda minn mijiet ta’ viżitaturi li jgħaddu mill-Parlament matul ix-xahar ta’ Diċembru.
Waqt il-laqgħa mal-komunità Maltija u Għawdxija li tinsab fi Brussell f’dawn il-jiem, Metsola esprimiet l-apprezzament tagħha lejn l-Għaqda Presepisti Għimmanu-El u lill-President tagħha, Paul Stellini, għall-ħidma li wasslet biex dan il-presepju jingħaqad mal-kollezzjoni permanenti tal-Parlament Ewropew.
F’kummenti oħra, il-President tal-Parlament qalet li l-installazzjoni hija prova ta’ kif il-wirt kulturali Malti u Għawdxi jista’ jkompli jissaħħaħ permezz tal-innovazzjoni u l-volontarjat, u jasal għand udjenzi minn pajjiżi differenti.
Bħalma tagħmel kull sena, fil-jiem li ġejjin Metsola se tkompli tirrikonoxxi l-kontribut ta’ għadd kbir ta’ voluntiera permezz ta’ żjarat f’diversi irħula f’Malta u Għawdex, f’perjodu li jenfasizza t-tisħiħ tat-tradizzjonijiet Maltin u Għawdxin.
Il-presepju se jibqa’ espost fiċ-ċentru tal-Parlament sal-bidu ta’ Jannar, u mbagħad se jingħaqad b’mod permanenti mal-kollezzjoni tal-binja.
Dan il-presepju Malti jgħaqqad b’mod armonjuż il-wirt u l-innovazzjoni. Tradizzjonalment, il-presepji Maltin jinħadmu bil-kartapesta, iżda dan inħoloq permezz ta’ teknika kontemporanja ispirata minn artiġjanat Taljani.
Fl-istess waqt, ix-xena tibqa’ fidila lejn l-għeruq tal-presepju Malti. Minflok figuri skulturati u miżbugħin, intużaw figuri tradizzjonali tat-tafal magħmulin bl-idejn, li tħallew mhux miżbugħin sabiex tiġi enfasizzata d-dehra naturali tat-terracotta. Is-sempliċità tagħhom toħloq sens ta’ awtentiċità u umiltà, li jinsabu fil-qalba tal-istorja tal-Presepju.