Ir-rebbieħ tal-Eurovision tal-2024, il-kantant Żvizzeru Nemo, ħabbar li se jirritorna t-trofeu tiegħu lill-Unjoni Ewropea tax-Xandir (EBU) bħala forma ta’ protesta kontra d-deċiżjoni li Iżrael jitħalla jipparteċipa fil-kompetizzjoni tas-sena d-dieħla.
“Ninsab f’punt fejn ma nħossx aktar li dan it-trofew għandu postu fuq l-ixkaffa tiegħi,” kiteb Nemo f’messaġġ fuq Instagram.
Il-Eurovision Song Contest, li hu l-akbar avveniment mużikali televiżiv fid-dinja, jiġi organizzat mill-EBU. Fl-4 ta’ Diċembru, il-membri tal-akbar alleanza dinjija tal-midja tas-servizz pubbliku ddeċidew li ma kienx hemm bżonn ta’ vot dwar l-inklużjoni tal-Iżrael fil-kompetizzjoni annwali.
L-oppożizzjoni mifruxa għall-gwerra li ilha għaddejja għal sentejn f’Gaża wasslet għal sejħiet biex l-Iżrael jiġi eskluż mill-festival. B’reazzjoni għal dan, ix-xandara pubbliċi fi Spanja, l-Irlanda, l-Olanda, is-Slovenja u l-Iżlanda ħabbru li se jibbojkottjaw is-70 edizzjoni tal-Eurovision, li se ssir fi Vjenna f’Mejju.
“Il-Eurovision jgħid li jirrappreżenta l-għaqda, l-inklużjoni u d-dinjità għal kulħadd, u dawn huma l-valuri li jagħmlu din il-kompetizzjoni tant sinifikanti għalija,” qal Nemo. “Iżda l-parteċipazzjoni kontinwa tal-Iżrael, f’kuntest fejn il-Kummissjoni Internazzjonali Indipendenti ta’ Inkjesta tan-NU kkonkludiet li qed iseħħ ġenoċidju, turi li hemm kunflitt ċar bejn dawn l-ideali u d-deċiżjonijiet li qed tieħu l-EBU.”
Ix-xandar statali tal-Iżlanda, RUV, nhar l-Erbgħa ħabbar ukoll li se jibbojkottja l-Eurovision tas-sena d-dieħla, u sostna li d-deċiżjoni ttieħdet fid-dawl tad-dibattitu pubbliku fil-pajjiż.
“Meta pajjiżi sħaħ jirtiraw, għandu jkun ċar ħafna li hemm xi ħaġa serjament ħażina,” qal Nemo, ta’ 26 sena. Huwa żied li se jibgħat lura t-trofew lill-kwartieri ġenerali tal-EBU f’Ġinevra “b’ringrazzjament u b’messaġġ ċar: għixu dak li tiddikjaraw”.
“Jekk il-valuri li niċċelebraw fuq il-palk ma jiġux imħaddna barra minnu, allura anke l-isbaħ kanzunetti jsiru bla sens. Qed nistenna l-mument meta l-kliem u l-azzjonijiet ikunu jaqblu. Sa dakinhar, dan it-trofew hu tagħkom,” temm jgħid.
Madwar 35 pajjiż huma mistennija jipparteċipaw fl-edizzjoni li jmiss fi Vjenna.