Il-lejl ta’ għada u s-sigħat bikrin ta’ filgħodu se joffru spettaklu naturali mill-isbaħ, hekk kif il-Geminids, waħda mill-aktar xita ta’ stilel affidabbli tas-sena jilħqu l-qofol tagħhom. Dan il-fenomenu jista’ jidher b’mod ċar minn Malta.
Il-Geminids huma magħrufa għall-ammont kbir ta’ stilel li jaqgħu, kapaċi jidhru wkoll bħal blalen tan-nar qawwijin u kkuluriti. L-aħjar ħin biex wieħed josservahom huwa bejn nofsillejl u t-3.00 ta’ filgħodu, bil-qofol madwar is-2.00 ta’ filgħodu.
Il-kundizzjonijiet din is-sena huma favorevoli wkoll minħabba qamar fil-fażi waning crescent, li jfisser inqas dawl fis-sema u aktar ċans li wieħed jara anke stilel aktar dgħajfa. Minn żoni aktar mudlama, ’il bogħod mid-dwal tat-toroq, wieħed jista’ jara numru sabiħ ta’ stilel fis-siegħa.
Biex l-esperjenza titgawda bl-aħjar mod, huwa rakkomandat li wieħed isib post miftuħ u mudlam, iħares lejn is-sema lejn in-naħa tal-grigal, u jagħti ftit ħin lil għajnejh jadattaw għad-dlam. M’hemmx bżonn ta’ teleskopju jew tagħmir speċjali, biss ftit paċenzja u interess fis-sema ta’ fuqna.
Jekk it-temp jippermetti, dan huwa mument ideali biex tieqaf ftit, tħares ’il fuq, u tgawdi wieħed mill-isbaħ spettakli naturali tas-sena.