Fadal ftit inqas minn xahar biex Malta terġa’ tidħol uffiċjalment fl-atmosfera tal-Eurovision, hekk kif il-pajjiż se jkun qed jagħżel ir-rappreżentant tiegħu għall-Eurovision Song Contest 2026, li se ssir f’Vjenna f’Mejju li ġej propru xahar ieħor.

Ritratt: Facebook / Eurovision Song Malta
Din is-sena, 18-il semi-finalist se jitilgħu fuq il-palk bit-tama li jimpressjonaw lill-ġurija u lill-pubbliku Malti. Minn dawn, 12-il kantant biss se jgħaddu għall-finali tas-Sibt 17 ta’ Jannar, fejn il-kompetizzjoni se tasal fl-aktar fażi intensiva tagħha: dik li nkunu nafu min se jirbaħ id-dritt li jirrappreżenta lil Malta fuq wieħed mill-akbar avvenimenti mużikali fl-Ewropa.
Il-Malta Eurovision Song Contest mhux biss kompetizzjoni mużikali, iżda wkoll pjattaforma importanti għal artisti lokali biex juru l-identità, il-kreattività u l-viżjoni tagħhom quddiem udjenza nazzjonali u internazzjonali. Kull sena ġġib magħha stili differenti, vuċijiet ġodda u stejjer li jkomplu jibnu l-wirt Malti fil-Eurovision.
Din l-edizzjoni se timmarka wkoll mument simboliku, hekk kif Miriana se tkun qed tgħaddi t-trofew lil artist ieħor. Ir-rebbieħ jew rebbieħa tal-2026 se jsir it-38 rappreżentant ta’ Malta fl-istorja tal-Eurovision, kapitlu ieħor f’vjaġġ li beda b’ħafna tama, sfidi u memorji li għadhom jgħixu sal-lum. Vjaġġ li jmur lura għall-1971.
Hekk kif il-countdown jibda, l-attenzjoni issa ddur fuq il-kanzunetti, il-prestazzjonijiet u l-istorja li kull artist qed jipprova jirrakkonta. F’xahar ieħor, Malta se tkun qed tagħmel l-għażla tagħha, u b’dik l-għażla, se tibgħat messaġġ ieħor lil Ewropa. Ħafna ħerqana jisimgħu l-kanzunetti, s’issa kulħadd kellu ċ-ċans li jisma’ 10 sekondi biss minn kull kanzunetta.
Facebook / Eurovision Song Malta