Il-kultura Maltija hija mimlija qwiel u tradizzjonijiet li jgħaddu minn ġenerazzjoni għal oħra u kieku kellna nikkategorizzawhom nsibu li ħafna minnhom huma marbuta direttament man-natura u l-ħajja ta’ kuljum tal-imgħoddi. Wieħed minn dawn il-qwiel hu dak li jgħid: “F’Santa Luċija jibdew l-irwiegel.” Qawl li għal ħafna jfakkar f’għerf antik u osservazzjoni lejn it-tbassir tat-temp.
Skont it-tradizzjoni, l-irwiegel jibdew fit-13 ta’ Diċembru, jum Santa Luċija, u jkomplu għal 12-il jum konsekuttiv sa lejliet il-Milied u b’hekk bl-istess raġunament illum tiġi t-tielet ġurnata tal-irwiegel. L-irwiegel tista’ tgħid hija sistema li kienet tintuża fl-imgħoddu biex jiġi mbassar it-temp f’Malta għal sena sħiħa.
Dawn it-12-il jum kienu jitqiesu bħala tip ta’ ‘kalendarju naturali’, fejn kull jum kien rapprezentazzjoni tax-xahar tas-sena li ġejja. Pereżempju, it-temp ta’ Santa Luċija kien jissimbolizza x’jista’ jġib Jannar, il-jum ta’ wara Frar u nibqgħu sejrin hekk sal-aħħar jum li kien jindika t-temp ta’ Diċembru.
Il-bdiewa, li kienu jiddependu ħafna mit-temp għall-għajxien tagħhom, kienu josservaw dawn il-jiem b’attenzjoni kbira. Jekk jum partikolari kien ikun xemxi, kiesaħ, imsaħħab jew bix-xita, dan kien jitqies bħala sinjal ta’ kif seta’ jkun ix-xahar korrispondenti. Għalkemm illum għandna t-teknoloġija u t-tbassir tat-temp modern, din it-tradizzjoni tibqa’ xhieda tal-għerf popolari u tal-mod kif il-Maltin kienu jaqraw in-natura.
Interessanti wkoll kif għalkemm forsi mhux minn kulħadd, dan il-qawl għadu jingħad sal-lum, speċjalment fi żmien il-Milied, meta ħafna jerġgħu jfakkru dawn id-drawwiet antiki u jħarsu lura lejn dak li kienu jagħmlu missirijietna. Għal xi wħud, l-irwiegel jibqgħu sempliċiment fatt ta’ kurżità folkloristika; għal oħrajn, huma tifkira ħelwa ta’ żmien aktar sempliċi u marbut man-natura.
Il-qawl “F’Santa Luċija jibdew l-irwiegel” għalhekk mhuwiex biss sentenza, iżda parti mill-identità kulturali tagħna — tifkira meta l-Malti kien josserva u jitgħallem direttament min-natura.
U int, kont taf bih dan il-qawl? Għadek tosserva l-irwiegel jew tiftakar lil xi ħadd fil-familja tiegħek jagħmel dan?🌧️🌞🎄
Facebook/ Dipartiment tal-informazzjoni