Iċ-ċelebrazzjonijiet għas-Sena l-Ġdida reġgħu magħna, u għal darb’oħra l-Belt Valletta se toffri lejla speċjali għall-familja kollha, b’divertiment li jolqot il-gosti ta’ kulħadd. Għal sena oħra Malta Public Transport se tkun qed tipprovdi servizzi speċjali sas-sigħat bikrin ta’ filgħodu biex inti tkun tista’ tivvjaġġa lejn u mill-Belt b’moħħok mistrieħ.
Pjazza San Ġorġ se terġa’ tkun il-qofol ta’ dawn iċ-ċelebrazzjonijiet b’atmosfera speċjali ta’ mużika u divertiment ma’ uħud mill-aqwa artisti u djs Maltin, kif ukoll l-istilla internazzjonali John Newman. Jekk inti dilettant tal-logħob tan-nar, hemm lest għalik spettaklu liema bħalu fl-isfond uniku tal-Port il-Kbir.
Bl-għan li tiffaċilita l-ħajja lil dawk kollha li jagħżlu l-Belt Valletta biex jibdew l-2026, Malta Public Transport se tkun qed tipprovdi servizzi addizzjonali sa tard bil-lejl lejn lokalitajiet differenti f’Malta. Is-servizz se jkun estiż fuq aktar minn 20 rotta f’kull naħa ta’ Malta.
Dawn is-servizzi se jibqgħu bla ħlas jekk tuża t-Tallinja Card personalizzata tiegħek, inkella tista’ tixtri biljett minn fuq tal-linja għal prezz ta’ €3, fejn tista’ tħallas cash jew contactless.
Malta Public Transport se tkun qed toffri numru ta’ vjaġġi addizzjonali fuq rotot popolari li jkopru bliet u rħula fl-inħawi kollha tal-pajjiż. Dawn jinkludu, fost oħrajn, ir-Rotta S10 lejn Raħal Ġdid u t-Tliet Ibliet, l-S12 u n-N13 lejn l-Msida u San Ġiljan, l-S40 lejn Birkirkara, Ħal-Lija, Balzan, Mosta u l-iMġarr, kif ukoll l-S41 lejn San Pawl il-Baħar, il-Mellieħa u ċ-Ċirkewwa.
L-estensjoni tal-ħinijiet tar-rotot S51, S52, S61, u N62 joffru servizz estiż lejn postijiet bħar-Rabat, l-Imtarfa, Ħad-Dingli, Ħal Qormi ,iż-Żebbuġ u l-Ħamrun fost l-oħrajn. Residenti tal-inħawi ta’ Ħal Kirkop, Safi, Mqabba, Qrendi u Żurrieq se jkunu moqdija bl-estensjoni tar-rotot S71 u S72.
Residenti ta’ Raħal Ġdid, Fgura u Ħaż-Żabbar se jkunu jistgħu jinqdew bl-S94 kif ukoll l-N91 li tibqa’ sejra Marsaskala. Malta Public Transport se toffri wkoll 13-il vjaġġ dirett lejn Buġibba biex tasal f’inqas ħin. Dawn il-vjaġġi se jibgħu għaddejjin sa tard bil-lejl bil-ħinijiet ivarjaw skont ir-rotta partikolari. Żur is-sit tal-Malta Public Transport u l-paġni soċjali tal-kumpanija biex issib l-aħjar ħin għalik u żżomm ruħek aġġornat.
Wieħed jista’ jidħol f’dan il-link għal aktar dettalji: www.publictransport.com.mt/malta-public-transport-announces-special-services-for-nye-celebrations-in-valletta/