Fuq il-paġna tagħhom, Soċjetà Filarmonika Pinto Banda San Sebastjan A.D. 1862 ħabbru li mill-qalb ġabru donazzjoni għal Sandro Grech li huwa ex-bandist u partitarju ta’ din il-banda.
Spjegaw, “Fi tmiem l-attività ta’ nhar il-Ħadd 21 ta’ Diċembru 2025, wara l-marċ tradizzjonali tal-Milied ġiet preżentata donazzjoni li nġabret riċentement biex tassisti lil Sandro Grech ta’ 41 sena, missier ta’ żewġt ibniet żgħar, ex-bandist u partitarju tagħna. Sandro Grech ilu tliet snin għaddej minn kimoterapija ntensiva u li fil-preżent jider li l-unika tama hija marbuta ma trattament delikat ħafna u li huwa disponibbli f’Singapor.”
Żiedu jgħidu, “Din id-donazzjoni nġabret partikolarment waqt il-kunċert tal-Milied mis-soċjetà tagħna u li sar nhar is-Sibt 13 ta’ Diċembru 2025 fil-Knisja ta’ San Franġisk (Triq ir-Repubblika) ġewwa l-Belt Valletta. Id-donazzjoni kienet preżentata lill-qraba ta’ Sandro Grech, li bħalissa jinsab l-isptar minħabba nfezzjoni. Dan filwaqt li qed jsiru preparamenti biex hekk kif Sandro jkun f’kundizzjoni aħjar, flimkien ma martu jivjaġġaw lejn Singapore kemm jista jkun malajr.”
Qalu wkoll, “Minn qalbna nħeġġu lill-partitarji tagħna u ħbieb, biex jiftakru fiħ u fil-familja tiegħu fit-talb tagħhom.”
Facebook / Soċjetà Filarmonika Pinto Banda San Sebastjan A.D. 1862