Il-muntanja, il-kuraġġ u qalb mimlija mħabba: dawn huma t-tliet pilastri li qed iwasslu lix-xabbatriċi Maltija Rita Salibaf’waħda mill-akbar sfidi ta’ ħajjitha. Rita waslet b’suċċess sal-base camp ta’ Mount Aconcagua fl-Arġentina: l-ogħla quċċata fl-Amerika t’Isfel.
Din il-kisba timmarka pass kruċjali f’din l-avventura diffiċli, li qed tintuża biex jinġabru fondi b’risq l-Association for Abandoned Animals (AAA). Permezz ta’ din l-isfida, Rita qed tgħaqqad l-imħabba tagħha għall-muntanji ma’ impenn sinċier favur il-ħarsien u l-kura tal-annimali abbandunati.
Magħrufa għall-kisbiet tagħha fuq muntanji bħal Kilimanjaro u Elbrus, Rita qed tkompli tuża l-passjoni tagħha għall-muntanji biex tqajjem għarfien u tappoġġja kawżi li huma għal qalbha: b’mod partikolari l-ħarsien tal-annimali vulnerabbli.
Ta’ 31 sena, Rita bdiet din l-isfida lejn l-ogħla quċċata fl-Amerika t’Isfel il-ġimgħa li għaddiet u bħalissa qed tiffoka fuq l-akklimatizzazzjoni u t-tħejjija tagħha qabel attentat lejn il-quċċata, ippjanat għal Jannar, skont il-kundizzjonijiet tat-temp.
Din il-kisba mhijiex biss dwar is-saħħa u d-determinazzjoni imma wkoll dwar messaġġ ta’ kompassjoni li jasal minn qalb li tħoss, minn wieħed mill-ogħla postijiet fid-dinja.
Facebook/ eetwell