Il-Prim Ministru ta’ Malta, Robert Abela, wassal messaġġ li fih ta ħarsa lejn il-kisbiet li saru s’issa, filwaqt li enfasizza wkoll ix-xogħol li għad irid jitwettaq fis-snin li ġejjin, b’mod partikolari lejn is-sena 2026. Il-messaġġ iffoka fuq pjanar fit-tul, fuq l-importanza tal-familji u fuq viżjoni li tħares lejn żvilupp sostenibbli.
Fost it-temi ewlenin imsemmija kien hemm it-tħabbira li l-Gvern huwa determinat li jsalva Forti Tigné minn żvilupp. Wirt storiku, li għalkemm hemm obbligi kuntrattwali mill-passat, dan għandu jintradd lura lill-poplu sabiex ikun jista’ jintuża għat-tgawdija tal-familji u bħala spazju miftuħ ta’ valur storiku u kulturali.
Il-messaġġ semma wkoll li ekonomija b’saħħitha tibqa’ essenzjali biex Malta tkun tista’ tkompli tgħin lill-familji jagħmlu l-qabżiet li jmiss fil-ħajja tagħhom. Minn perspettiva personali, bħala missier ta’ familja, il-Prim Ministru tkellem dwar kif il-pajjiż jista’ jimxi ’l quddiem b’mod bilanċjat f’bidliet diġitali u ambjentali li jolqtu direttament il-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini.
Tema oħra ċentrali kienet dik tal-għaqda. Il-messaġġ enfasizza l-importanza li jkomplu jintlaqgħu l-ideat ta’ kulħadd, b’djalogu miftuħ li jsaħħaħ il-parteċipazzjoni u l-koperazzjoni fis-soċjetà. F’dan il-kuntest saret referenza wkoll għall-Viżjoni Malta 2050 u l-pilastri tagħha, li għandhom jiggwidaw l-iżvilupp tal-pajjiż fuq medda twila ta’ snin.
Fuq livell internazzjonali, il-messaġġ semma r-rwol ta’ Malta bħala vuċi favur il-paċi, b’referenza partikolari għall-kuntest tal-Lvant Nofsani. Ġiet enfasizzata wkoll il-pożizzjoni ta’ Malta favur l-għajnuna lill-poplu Ukren, inkluż permezz ta’ strumenti legali ta’ appoġġ.
Ħarsa lejn il-futur wasslet biex tiġi enfasizzata s-sena 2026 bħala waħda kruċjali għall-bidu u l-implimentazzjoni ta’ diversi proġetti kbar. Issemma li l-Budget 2026 mistenni jkun wieħed storiku, b’enfasi fuq il-familji. Fost il-proġetti li ġew imsemmija hemm ir-riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir, sptar ġdid għas-saħħa mentali li se jifforma parti minn Mater Dei, il-bini ta’ Dipartiment tal-Emerġenza akbar, proċess għall-bini ta’ sptar speċjalizzat ta’ 300 sodda għall-anzjani f’San Vinċenz ibbażat fuq il-kunċett ta’ kura intermedjarja, it-tkomplija u t-tlestija tat-trakka tal-karozzi f’Ħal Far, kif ukoll ir-reklamazzjoni tal-art biex jitkomplew u jespandu proġetti ta’ suċċess bħal dak li qed jitwettaq fil-Port Ħieles.
B’mod ġenerali, il-messaġġ ippreżenta stampa ta’ kontinwità u pjanar, b’attenzjoni fuq l-iżvilupp sostenibbli, il-familji u r-rwol ta’ Malta kemm fuq livell nazzjonali kif ukoll internazzjonali.