Fuq il-mezzi soċjali tiegħu, Jason Micallef kiteb dwar l-avveniment tat-tmiem l-aħħar tas-sena u l-bidu tas-sena l-ġdida fil-Belt Valletta.
Hu jikteb, “Dak li assistejna għalih ilbieraħ filgħaxija fil-Belt Valletta u fil-Port il-Kbir, kien l-akbar lejl li qatt kellna minn kemm ilna norganizzaw iċ-ċelebrazzjonijiet tal-Lejlet l-Ewwel tas-Sena fil-Kapitali fl-aħħar 12-il sena.”
Jason iżid, “Il-folol enormi fi Pjazza San Ġorġ, Pjazza Repubblika, sa quddiem il-Qorti, Pjazza Tritoni, u madwar ix-xatt kollu tal-Port il-Kbir biex jaraw l-ispettaklu li tellajna tal-logħob tan-nar tal-ajru, kienu impressjonanti.”
Hu jgħid, “Ix-xow li tellajna fi Pjazza San Ġorġ kien kbir ħafna, u laħaq livell internazzjonali. Mhux ta’ b’xejn li l-Ewropej għażlu lill-Belt Valletta bħala t-tielet l-aktar kapitali favorita minn madwar l-Ewropa kollha biex jiċċelebraw lejlet l-Ewwel tas-Sena. Is-suċċess tal-bieraħ kompla fuq is-suċċess kbir tal-attivitajiet tal-Milied li tellejna fuq xahar sħiħ fil-Belt Valletta.”
Jason ikompli, “Il-bieraħ kellna sfidi kbar ħafna. Il-maltemp kien kiefer magħna, u kien hemm min ipprova jaqtalna qalbna. Ibeżżgħu bil-maltemp u staqsewna wkoll hux se nħassru kollox! Għalhekk li m’għandix biżżejjed kliem biex minn qalbi nirringrazzja lill-ħaddiema qalbiena tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta.”
Hu jkompli r-ringrazzjamenti tiegħu, “Lil G7 Events tal-professjonalità kontinwa tagħhom, lill-għaqdiet tal-piroteknika kkordinati b’perfezzjoni kbira minn Sandro Borg, lill-Korp tal-Pulizija u tal-Protezzjoni Ċivili, lill-ħaddiema kollha tad-Dipartiment tal-Indafa Pubblika, lill-PBS, ONE u F Living li wasslu x-xandira fid-djar tal-Maltin, lill-artisti u l-mużiċisti bravi li kellna, u lill-eluf ta’ Maltin u turisti li flimkien fraħna u ċċelebrajna f’lejl li mhu se ninsih qatt fil-Belt unika tagħna, il-Belt Valletta.”
Hu jtemm bil-kliem, “Il-ħidma tagħna tkompli u se żżid fl-2026.”
Facebook / Jason Micallef