Il-kantanta lokali u r-rappreżentanta ta’ Malta fil-Eurovision Song Contest tal-2003, Lynn Chircop Faure, qasmet riflessjoni sinċiera fuq il-midja soċjali dwar xi jfisser tassew li tirrappreżenta lil pajjiżek fuq palk nazzjonali jew internazzjonali.
F’messaġġ li qanqal diversi reazzjonijiet, Chircop Faure enfasizzat li min ikun rappreżentant ta’ pajjiżu għandu jkun lest għall-kritika, iżda fl-istess ħin ma għandniex ninsew li artist fuq palk ikun suġġett għal ħafna ċirkostanzi tekniċi li spiss ma jkollux kontroll fuqhom.
Hija semmiet kif elementi bħad-dawl u l-ħoss jistgħu jinfluwenzaw b’mod qawwi l-esperjenza u l-perċezzjoni tal-pubbliku. “Meta d-dawl ikun magħmul biex isebbħek, kulħadd jgħidlek kemm int sabiħ jew sabiħa. Iżda malli tmur xi bozza, jibdew jidhru dellijiet li lanqas tkun taf minn fejn ġejjin,” kitbet, filwaqt li żiedet li l-ħoss, speċjalment għal mużiċisti u kantanti, jista’ jkun sfida kbira u imprevedibbli.
Chircop Faure kienet ċara wkoll li artist qatt mhu se jogħġob lil kulħadd, realtà li trid tiġi aċċettata minn kull min jagħżel li jitla’ fuq palk. F’dan il-kuntest, hija wriet solidarjetà sħiħa ma’ dawk li jsibu ruħhom f’sitwazzjonijiet li mhumiex fil-kontroll tagħhom, u ħeġġithom biex iħallu l-affarijiet jgħaddu u jħarsu ’l quddiem.
Fil-messaġġ tagħha, hija temmet b’messaġġ ta’ kuraġġ u maturità: is-suċċess, skont hi, mhux ir-riżultat ta’ mitt persuna oħra li jkollhom sehem fih, iżda ta’ kif wieħed jimmaniġġja dak li huwa fil-kontroll tiegħu, anke meta kollox madwaru ma jkunx qed jaħdem fl-aħjar interess tiegħu.
Il-kliem ta’ Lynn Chircop Faure ġie meqjus minn ħafna bħala tifkira importanti tal-pressjoni li jaffaċċjaw l-artisti, kif ukoll sejħa għal aktar empatija u fehim lejn dawk li jagħżlu li jirrappreżentaw lil Malta f’kompetizzjonijiet kbar.
Facebook / Lynn Chircop Faure