Il-Ministru għall-Agrikoltura, il-Fiskultura u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo fuq il-mezzi soċjali tiegħu kiteb, “F’dawn is-sigħat ta’ sfida, is-solidarjetà tiegħi tmur qabel kollox lejn il-ħaddiema kollha li bħalissa qed jagħmlu l-almu tagħhom fuq il-post, inklużi l-ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili, il-Pulizija u l-Forzi Armati, kif ukoll is-servizzi essenzjali kollha li qed jaħdmu bla waqfien biex iżommu lin-nies siguri.”
Hu żied jgħid, “Fl-istess waqt, is-solidarjetà tiegħi tmur lejn is-sajjieda u l-bdiewa li ntlaqtu mill-maltemp u sofrew. Bdiewa: wara l-maltempata qawwija li laqtet lill-gżejjer, se jkun qed jitnieda proċess ta’ rappurtaġġ biex tinġabar informazzjoni dwar il-ħsarat li sofrew il-produzzjonijiet agrikoli. Hekk kif tgħaddi l-agħar parti tal-maltemp, il-bdiewa huma mħeġġa jissottomettu ritratti geotagged permezz tal-pjattaforma Biedja Cam, flimkien mad-dettalji tal-għelieqi u l-uċuħ tar-raba’. Se jsiru wkoll verifiki fuq il-post fil-jiem li ġejjin.”
Hu jżid ukoll, “Sajjieda: dawk li sofrew ħsarat fuq il-bastimenti tas-sajd tagħhom huma mitluba jikkuntattjaw lid-Dipartiment b’evidenza tal-ħsarat, inkluż ritratti u filmati. Huwa importanti li jinżammu wkoll l-invoices u r-riċevuti relatati mat-tiswijiet u l-manutenzjoni, biex fil-futur tkun evitata kwalunkwe diffikultà jekk tinħareġ skema ta’ għajnuna.”
Żommu ruħkom aġġornati!
Facebook / Anton Refalo