“Jekk Permezz Tal-Istorja Ngħinu Mqar Persuna Waħda, Il-Messaġġ Tas-Serje Jkun Wasal B’Suċċess” – L-Awtur, Id-Direttur u L-Produttur Ta’ ‘Il-Kliem Moħbi’, Omar Busuttil

Il-Kliem Moħbi Logo

Gwida.mt tkellmet ma’ Omar Busuttil, l-awtur, id-direttur, u l-produttur tas-sensiela li bdiet f’Jannar li għadda, Il-Kliem Moħbi.

Lil Omar staqsejnieh dwar il-kitba u l-istil tas-sensiela, l-atturi li qed jieħdu sehem, l-istorja nnifisha, u aktar. Jidher li s-sensiela diġà ntlaqtet mit-telespettaturi u għandhom ħafna kummenti pożittivi.



Xi tgħidilna dwar is-serje ġdid Il-Kliem Moħbi?



Il-Kliem Moħbi hi storja kemxejn kumplessa. L-istorja hi mibnija fuq ħafna karattri differenti. Il-pjan huwa li l-plott ewlieni ħa jdum għaddej għal tliet staġuni. Teħodna fi newsroom bl-isem ta’ Malta 24/7 – in-newsroom prinċipali tal-pajjiż. Ser naraw stejjer żgħar mill-aħbarijiet li jkunu qed jiġru. Hemm ħafna stejjer umani, fosthom nies jiġġieldu problemi ta’ saħħa, problemi ta’ dipressjoni jew problemi familjari. Fil-verità kulħadd għandu verità moħbija. Il-Kliem Moħbi hu kliem li wieħed jagħżel li ma jurix, jekk hu dwar problemi ta’ saħħa, ta’ flus, jew ta’ korruzzjoni. Kważi kull karattru fl-istorja qed jaħbi xi ħaġa, li għad jasal żmien li toħroġ. Se tkun storja investigattiva mimlija intriċċi.

X’inhi l-istorja fil-qosor ta’ dan is-serje?

Fost il-karattri ewlenin fin-newsroom għandek ġurnalista Katrina Dagostino li hi magħrufa għall-kitba tagħha, ma tħares lejn wiċċ ħadd, dejjem lesta toħroġ l-iskandli fil-pajjiż. Iffukata fuq Samwel Rapa, imprenditur biljunarju ħafna, li jgħin lil kulħadd. Katrina għandha fissazzjoni fuqu, u hemm element ta’ dubju, fejn is-segwaċi jibdew jistaqsu, ‘Imma veru korrott jew le?’ Niltaqgħu ukoll ma’ spettur tal-pulizija, Sarah, li għandha għajn għad-dettall, u jirnexxielha ssolvi ħafna każi. Dak li jaħrab lil kulħadd, lilha ma jaħarbilhiex. Tidħol fl-istorja vlogger, Debbie, li għaddiet minn tbatija, iżda temmen ħafna fiha nnifisha, u reżiljenti. Karattru ieħor importanti hu l-‘Kamaleonte’. Karattru li jibdel il-personalità tiegħu, skont ma’ min ikun. Huwa qattiel, iżda qattiel li joqtol b’kodiċi, mhux sempliċiment biex ikun qatel.



Xi atturi rinomati li ħa naraw jieħdu sehem u anke fil-parti ewlenin tal-istorja?

Għandna taħlita ta’ atturi veterani, fosthom Inez Farrugia, Mario Micallef, Michael Tabone, u Marthese Mangion. Hemm ukoll atturi kontemporanji bħal Carlos Farrugia, Sarah Camilleri, Clayton u Lenies Pace, Andre Penza, Maria Laura Vella Clark, u Vince Micallef Pule. Hemm ukoll diversi karattri ġodda li ħa nkunu qed intuhom vetrina importanti. Għandna ftit atturi tfal ukoll li ser jieħdu sehem.

X’kien ir-rispons mill-pubbliku sa issa?

S’issa ħarġu l-ewwel tliet episodji. Ir-rispons kien pożittiv ħafna, fejn l-atturi huma mfaħħra, u r-reċtar intgħoġob. L-istampa viżiva kulħadd qed jgħidilna li hi differenti ħafna minn dak li ssoltu jaraw. In-nies fehmu wkoll li mhux mill-ewwel episodju ser tifhem kollox, u li qed nidħlu fl-istorja bil-mod. Il-kummenti li qed nirċievu fil-messaġġi tal-midja soċjali, qed jimlewna b’kuraġġ.

Hemm ħsieb li din is-serje jkollha aktar minn staġun wieħed?

Diġà għandi l-plott għall-kitba tat-tieni u t-tielet serje. Naf eżattament kif ser tingħalaq l-istorja, u għandha bżonn tliet snin. Jekk kollox imur sew, ser nuru żewġ staġuni oħra.

Fil-pjan ukoll għandi tliet spin-offs ta’ tlieta mill-karattri, b’total ta’ 13-il episodju. Hemm ser inkunu qed nidħlu iktar fil-fond tal-istorja tal-karattri. M’hemm l-ebda kitba għad, iżda għandi plott f’moħħi.

Omar, b’aktar dettalji dwar dan is-serje li diġà ħalla impatt

Il-Kliem Moħbi qed jidher esklussivament fuq GO Tokis – huwa l-istazzjon li l-iktar qed jinvesti fit-talent lokali, fl-artisti lokali, fil-produzzjonijiet lokali. Produzzjoni bħal din mhux faċli ttellagħha. Apparti li trid il-ħin u ammont ta’ nies, trid ukoll ammont sostanzjali ta’ finanzi. GO qed jagħtina pjattaforma għat-talenti ta’ kittieba, diretturi, produtturi, atturi, mużiċisti, kru, eċċ. Pjattaforma li biha nistgħu nkabbru u ntejbu l-portafolju tagħna. Għalkemm nirringrazzjaw stazzjonijiet oħra ta’ dak li jistgħu jagħmlu, m’humiex f’pożizzjoni li joffru l-istess pakkett li qed joffri GO Tokis. Għalina din hi sfortuna; nitkellem f’isem ħafna atturi, l-artist Malti mhux apprezzat daqs kemm ħaqqu jiġi apprezzat.

Nemmen li kull karattru fis-sensiela Il-Kliem Moħbi, ħa jolqot lil xi ħadd li jkun qed isegwi. Hemm ħafna stejjer umani. Nemmen li xi waħda jew oħra minn dawn l-istejjer ħa jolqtu persuni differenti. F’laqgħa li kelli mal-kast kollu, għidtilhom, “Jekk permezz tal-istorja ngħinu mqar persuna waħda, il-messaġġ tas-serje jkun wasal b’suċċess”. Il-messaġġ hu wieħed – iġġieled dak li l-ħajja titfgħalek għal wiċċek, iġġieldu u prova għelbu.

Prosit tassew Omar, u lill-kast u l-kru kollu wara din il-produzzjoni ta’ livell għoli, li diġà ħalliet impatt kbir fl-iskeda ta’ bħalissa!

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI