Miguel iddeskriva għeluq sninu din is-sena bħala l-ewwel wieħed mingħajr in-nanna tiegħu, u ammetta li l-vjaġġ tiegħu ma kienx wieħed faċli. Hu spjega kif kellu jlaħħaq mal-emozzjonijiet ta’ niket waqt li fl-istess ħin kien għaddej mill-kaos, l-eċitament, il-mumenti għoljin u baxxi li ġġib magħha l-esperjenza ta’ X Factor. Skontu, kienet sfida kbira li jgħix dawn iż-żewġ realtajiet flimkien.
Il-kantant qal li jixtieq li n-nanna tiegħu kienet għadha miegħu biex tarah jikber u jiffjorixxi fuq il-palk, u biex jerġgħu jaraw flimkien il-prestazzjonijiet tiegħu. Hu rrifletta wkoll fuq il-perjodu meta kien qed iħejji għal-‘live shows’ u jirrekordja l-kanzunetti, waqt li kien jaf li n-nanna tiegħu ma kinitx fl-aqwa stat ta’ saħħa, mumenti li fihom ħassu mitluf u bla saħħa.
Madankollu, Miguel stqarr li kull darba li “jġorrha miegħu” f’dak li jagħmel, isib paċi u serħan il-moħħ, għax jaf li dan kien ikun dak li hi xtaqet minnu.
Miguel għażel li jiffoka wkoll fuq iċ-ċelebrazzjoni tan-nies ta’ madwaru, dawk li jħalluh ikun hu nnifsu u li kienu pilastri sodi f’ħajtu u fil-vjaġġi tiegħu. Hu rringrazzja lil kull min kien hemm għalih, u qal li dawn huma n-nies li sawruh fil-persuna li hu llum.
Issa li għalaq 23 sena, Miguel qal li jinsab eċitat biex jara x’se jġib miegħu l-futur. Hu esprima x-xewqa li jkompli jikber, jipprattika aktar filwaqt li jistinka biex dejjem ikun l-aħjar verżjoni tiegħu nnifsu.
Facebook / Miguel Bonello