Corinthia Se Tiftaħ Lukanda Ġdida Fiċ-Ċina B’Investiment Ta’ Nofs Biljun

Corinthia Hotels ħabbret sħubija ġdida ma’ ShiLong Industry Co u The Geminus Group biex tniedi proġett prestiġjuż fiċ-Chengdu, wieħed mill-ibliet l-aktar dinamiċi fiċ-Ċina. Il-lukanda l-ġdida, Corinthia Chengdu, mistennija tiftaħ fl-2032 u se timmarka pass importanti fl-espansjoni internazzjonali tal-kumpanija Maltija.

Il-proġett se jkun jinsab fid-distrett ta’ Gaoxin u se jinkludi torri modern ta’ 225 metru li fih madwar 150 kamra u suites, kif ukoll 60 residenza lussuża. L-iżvilupp, li jiswa madwar RMB 4 biljun, se jkun parti minn kumpless akbar li jinkludi spazji kummerċjali, residenzjali u retail, u jinsab qrib park urban estensiv.



Is-CEO tal-Grupp Corinthia, Simon Naudi, iddeskriva dan il-pass bħala “milestone eċċitanti” li jkompli jsaħħaħ il-preżenza tal-brand globalment. Hu enfasizza li Chengdu hija belt b’enerġija kreattiva u kultura rikka, valuri li jaqblu mal-filosofija ta’ Corinthia.



Min-naħa tiegħu, Anthony Bailey ta’ The Geminus Group qal li dan il-proġett se joħloq landmark ġdid fis-settur tal-ospitalità fiċ-Ċina, filwaqt li jżomm bilanċ bejn livell internazzjonali u karattru lokali.

Corinthia, li twaqqfet f’Malta fl-1968, qed tkompli tesplora opportunitajiet oħra fiċ-Ċina bħala parti mill-istrateġija tagħha ta’ tkabbir fit-tul fis-suq tal-lussu.



Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI