Ilbieraħ ittellgħet l-ewwel serata tas-sitt edizzjoni ta’ Mużika Mużika, fejn smajna għall-ewwel darba total ta’ 16-il kanzunetta finalista.
Il-preżentaturi li fetħu din is-serata kienu Ira Losco, Jacqui Losco, Jamie Cardona u Keith Demicoli. Flimkien apparti li mexxew din is-serata b’mod eċċezzjonali, offrewlna anke xi ftit spettaklu.
Apparti minn hekk wara li smajna l-kanzunetti kollha, Ira nediet kanzunetta oriġinali bl-isem Kuntenta Kif Jien – bħal dejjem tat prestazzjoni stupenda fuq il-palk ta’ Mużika Mużika.
Fl-aħħar tas-serata l-preżentaturi ħabbru ħames kanzunetti li kienu l-iktar favoriti s’issa skont il-vot tal-udjenza, li hi kellha l-vot ilbieraħ.
Il-parteċipanti ta’ Mużika Mużika llejla ser ikunu qed ikantaw ma’ kantanti veterani u klassiċi, hekk kif ser nassistu għas-serata tal-klassiċi.
X’deherilkom mill-ewwel serata? Nawguraw lill-parteċipanti, preżentaturi, kantanti mistiedna llejla, kif ukoll lill-kast u l-kru kollu!