The Travellers dejjem bnew il-mużika tagħhom madwar in-nies u l-esperjenzi maqsuma bejniethom.
Bl-aħħar vidjo mużikali tagħhom, Poeżija Mingħajr Tmiem, huma jqiegħdu din il-konnessjoni fuq quddiem nett.
Maħruġ bħala parti minn Mużika Mużika ta’ din is-sena, il-filmat jiffoka fuq mumenti veri mibgħuta mill-fans u nies qrib tagħhom.

Bejn Diċembru u kmieni dan ix-xahar, il-band stiednet lin-nies jaqsmu memorji personali. Ir-rispons kien jinkludi stejjer u filmati minn madwar Malta u Għawdex, li juru stadji differenti tal-ħajja u esperjenzi ta’ kuljum.
Dawn il-mumenti issa huma l-qalba tal-video mużikali.

Minn ċelebrazzjonijiet, proposti taż-żwieġ, twelid ta’ trabi ġodda sa mumenti sempliċi mal-familja u saħansitra mumenti diffiċli jew memorji li jmissu l-qalb, il-filmat jirrifletti l-ħajja tan-nies li appoġġjaw lill-band matul l-aħħar għaxar snin.
Minflok poġġew lilhom infushom fiċ-ċentru, The Travellers għażlu li jpoġġu lill-udjenza tagħhom bħala sinjal ta’ ringrazzjament tas-sapport kollu li sabu mingħandhom matul il-vjaġġ tagħhom.
Ir-riżultat huwa vidjo mużikali mibni fuq stejjer veri, li juri kif il-mużika tagħhom kienet parti mill-ħajja tan-nies matul iż-żmien.

Din it-tnedija tasal ukoll f’mument importanti għall-band hekk kif qed jgħalqu għaxar snin minn meta ħarġu l-ewwel kanzunetta tagħhom bil-Malti. Minflok iħarsu lura biss lejn il-vjaġġ tagħhom, użaw din l-opportunità biex jirrikonoxxu lin-nies li kienu parti minnu.
Poeżija Mingħajr Tmiem tirrifletti dan il-vjaġġ sabiħ… tgħaqqad esperjenzi differenti u turi kif il-mużika tista’ tgħaqqad lin-nies f’mumenti differenti tal-ħajja.
Tista’ tara dan il-video mużikali emozzjonali fuq dan il-link HAWN
The Travellers se jkunu qed jinterpretaw il-kanzunetta mill-ġdid għada, is-Sibt 21 ta’ Marzu, waqt il-Finali ta’ Mużika Mużika.
The Travellers