Bħal-bieraħ 55 sena ħalla din id-dinja l-Professur Monsinjur Pietru Pawl Saydon. Permezz ta’ kitba fuq il-paġna tagħhom, Malta, Photos News and People sellmu l-memorja tiegħu.
Huma qalu, “Fl-1965 Saydon tah attakk ta’ puplesija. Fl-aħħar snin ta’ ħajtu kien darbtejn rikoverat fl-Isptar ta’ Ħ’Attard. Il-Prof. Pietru Pawl Saydon miet fid-dar tiegħu iż-Żurrieq, raħal twelidu, nhar it-22 ta’ Marzu 1971 fl-għomor ta’ 75 sena. Saydon twieled, għex u miet fiż-Żurrieq. Wara mewtu ġie mfakkar billi ssemmew skola sekondarja u triq għalih fiż-Żurrieq. Inkixef ukoll monument f’ġieħu fl-okkażjoni taċ-ċentinarju mit-twelid tiegħu fit-12 ta’ Novembru, 1995 quddiem l-iskola sekondarja taż-Żurrieq.”
Żiedu wkoll, “Hemm monument ieħor tiegħu fil-Junior College tal-Imsida u wieħed mit-teatri ewlenin tal-Università huwa wkoll msemmi għalih. Fl-1919, billi ġie l-ewwel wieħed fl-eżamijiet tal-Universita ta’ Malta, u għadda lill-istudenti tal-fakultajiet kollha, ngħata borża ta’ studju mill-gvern biex seta’ jissokta l-istudji tiegħu barra minn Malta. Fl-istess sena ġie ordnat saċerdot u s-sena ta’ wara mar jistudja Ruma fl-Istituto Biblico minn fejn fl-1923 kiseb il-Liċenzjat fl-Iskrittura Mqaddsa. Saydon qatta mill-1929 sal-1959 (30 sena) jaqleb il-Bibbja mill-Ebrajk għall-Malti. Mill-passaport li hawn kopja jidher li l-Professur Saydon għamel żmien twil tiela u nieżel Ruma biex jistudja. Fl-1987 inħarġet bolla li tfakkar lilu.”