Storja ta’ kuraġġ, tama u gratitudni ġiet maqsuma minn Puttinu Cares, li għal snin twal ilha tappoġġja pazjenti Maltin u l-familji tagħhom waqt battalji diffiċli kontra l-kanċer. Din id-darba l-istorja ta’ Clint.
“Jien Clint,” jibda jirrakkonta, “u din is-sena qed niċċelebra xi ħaġa tassew speċjali – 20 sena cancer free mill-ewwel battalja tiegħi mal-leukemia, u 9 snin cancer free mill-kanċer tat-thyroid.”
Il-vjaġġ tiegħu ma kienx faċli, iżda huwa wieħed li juri kemm il-perseveranza u l-appoġġ jistgħu jagħmlu differenza kbira.
Clint jiftakar kif, matul iż-żmien tal-kura tiegħu, kellu bżonn jivvjaġġa barra minn Malta diversi drabi. “B’kollox tlajt 10 darbiet fl-appartamenti ta’ Puttinu,” jgħid. “L-ewwel darba kelli biss 16-il sena, u qgħadna għal 6 xhur sħaħ f’wieħed mill-appartamenti tagħhom.”
Dawn l-appartamenti joffru mhux biss akkomodazzjoni, iżda wkoll sens ta’ sigurtà u appoġġ emozzjonali f’mumenti diffiċli ħafna.
Illum, Clint iħares lura b’qalb mimlija gratitudni. “Grazzi għal Puttinu, illum għandi lura saħħti u ħajti – u stajt inkompli nibni futur.” Dan il-futur ħadu lil hinn minn dak li qatt immaġina: għandu familja tiegħu, karriera u negozju fil-hairdressing li huwa tassew kburi bih.
Għalih, Puttinu mhix sempliċement organizzazzjoni. “Puttinu huma familja għalija,” jistqarr, “u nibqa’ nirringrazzjahom għal dejjem.”
Fl-aħħar, Clint jagħmel appell lil kulħadd biex ikompli jappoġġja l-missjoni ta’ Puttinu, speċjalment waqt il-ġbir tal-Ġimgħa l-Kbira.
“Grazzi lilek li se tkun hemm għal Puttinu fil-Ġimgħa l-Kbira, biex tagħti tama u dinjità lil min għaddej minn din il-battalja.”
L-istorja tiegħu hija xhieda ċara li, anke fl-aktar mumenti diffiċli, dejjem hemm tama.
Facebook/ Puttinu Cares