Pjattaforma Diġitali Ġdida Biex Tgħaqqad Is-Servizzi Kollha Tal-Kunsilli Lokali

Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali, Alison Zerafa Civelli, ħabbret li nħarġet sejħa għall-iżvilupp ta’ pjattaforma diġitali ġdida li għandha ssaħħaħ il-mod kif joperaw il-Kunsilli Lokali. Dan il-proġett għandu l-għan li jqiegħed liċ-ċittadini fil-qalba tas-servizzi offruti, filwaqt li jallinja mal-Viżjoni Malta 2050, b’mod partikolari mal-miżura makro 49 li tħeġġeġ biex is-servizzi kollha li jistgħu jiġu offruti b’mod diġitali jkunu aċċessibbli online. It-trasformazzjoni diġitali hija wkoll meqjusa bħala waħda mill-pedamenti ewlenin biex din il-viżjoni titwettaq.

L-investiment għal din l-inizjattiva huwa stmat għal madwar €800,000 u se jippermetti lill-pubbliku jaċċessa online s-servizzi kollha offruti mill-kunsilli lokali f’Malta u Għawdex. Il-pjattaforma se ttejjeb il-komunikazzjoni mar-residenti u fl-istess ħin tissimplifika l-proċessi amministrattivi tal-kunsilli.

Zerafa Civelli spjegat li d-data miġbura minn din is-sistema se tgħin biex jinbena mezz ta’ komunikazzjoni aktar effiċjenti bejn ir-residenti u l-kunsilli. Maż-żmien, din l-informazzjoni se toħloq stampa aktar ċara tal-ħtiġijiet u l-prijoritajiet tan-nies, u tipprovdi lill-kunsilli għarfien aħjar tal-isfidi li jaffaċċjaw il-komunitajiet tagħhom.

Hija żiedet li l-pjattaforma se tiġbor taħt saqaf wieħed diversi servizzi flimkien ma’ informazzjoni dwar il-lokalitajiet, li tkun aċċessibbli kemm minn kompjuter kif ukoll minn mobile. F’fażi sussegwenti, se tiġi introdotta wkoll app dedikata li tippermetti lill-utenti jużaw dawn is-servizzi direttament mill-mobile tagħhom. Fost is-servizzi inklużi se jkun hemm ukoll dawk li bħalissa jingħataw biss b’mod manwali, kif ukoll servizzi ġodda, inkluż chatbot għall-għajnuna immedjata.

Is-Segretarju Parlamentari enfasizzat li, minkejja din it-trasformazzjoni diġitali, is-servizzi se jibqgħu disponibbli wkoll mill-uffiċini tal-kunsilli lokali. Madankollu, il-pjattaforma hija mistennija tnaqqas il-bżonn li n-nies imorru fiżikament biex jaċċessaw dawn is-servizzi.

Min-naħa tiegħu, id-Direttur Ġenerali tad-Diviżjoni tal-Gvern Lokali, Emil Vassallo, qal li d-Diviżjoni se tkun qed tiffinanzja dan il-proġett bħala parti mill-appoġġ kontinwu tagħha lill-kunsilli lokali. Huwa spjega li din is-sistema se toffri pjattaforma komuni għall-kunsilli kollha, sabiex iċ-ċittadini jkunu jistgħu jaċċessaw is-servizzi bl-istess mod, irrispettivament minn fejn jgħixu.







Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI