Mill-Olimpjadi tal-2028 li se jsiru f’Los Angeles, il-kategorija tan-nisa fl-isports Olimpiku mistennija tkun riservata biss għal nisa li huma bijoloġikament femminili. Din il-bidla ġiet imħabbra mill-International Olympic Committee (IOC) u qed tqajjem ħafna reazzjonijiet madwar id-dinja.
Skont sorsi riċenti qed jingħad li l-atleti se jkollhom jagħmlu test li jsir “darba f’ħajjithom” biex jiġi determinat jekk humiex eliġibbli biex jikkompetu fil-kategorija tan-nisa. Skont din ir-regola, nisa transġeneri u persuni li għandhom differenzi fl-iżvilupp sesswali (DSD) mhux se jkunu jistgħu jikkompetu f’din il-kategorija.
Il-President tal-IOC, Kirsty Coventry, stqarret li din id-deċiżjoni hija bbażata fuq pariri ta’ esperti mediċi, bl-għan li jinżamm bilanċ bejn ġustizzja fl-isport u l-parteċipazzjoni u din il-bidla mistennija tidħol uffiċjalment mill-Olimpjadi ta’ Los Angeles fis-sena 2028.
Madankollu, mhux kulħadd qed jaqbel ma’ din id-deċiżjoni. Hemm min jaraha bħala pass biex tiġi żgurata kompetizzjoni ġusta, filwaqt li oħrajn iqisuha bħala restrizzjoni fuq id-drittijiet u l-inklużjoni ta’ atleti differenti.
Suġġett kontroversjali li bla dubju se jibqa’ għaddej… hekk kif id-dinja tal-isport tipprova ssib bilanċ bejn l-inklużjoni u l-ġustizzja.
Facebook/ BBC Sport