Minkejja li għaddew ftit tal-jiem għal Jasmine Abela r-rebħa f’Mużika Mużika għadha tinħass daqslikieku kienet ħolma. F’ messaġġ li qasmet fuq il-midja soċjali, hija stqarret kif, minkejja li diġà għaddiet ġimgħa, l-esperjenza għadha tidher “surreali”.
Jasmine qalet li bħal-lum ġimgħa kienet ġurnata mimlija eċitament u spjegat kif f’dawn il-jiem baqgħet taqra u twieġeb il-messaġġi u l-kummenti li waslulha mingħand tant segwaċi. Hija saħqet kemm tinsab ferħana li l-messaġġ tal-kanzunetta tagħha wasal għand in-nies u qed jagħmel il-ġid.
Jasmine spjegat ukoll kif l-aħħar ritratt li tellgħet ma’ dan il-messaġġ jirrappreżenta lilha kull darba li tidħol id-dar wara ġurnata twila u tiddeskrivih bħala dak il-mument li għaliha jibqa’ marbut ma’ esperjenza tassew sabiħa.
Fl-istess messaġġ, hija rringrazzjat lil dawk kollha li għenu biex din il-ħolma ssir realtà. B’qalbha kollha, Jasmine wriet apprezzament lejn kull min kien involut fil-vjaġġ tagħha, filwaqt li qalet li tinsab grata immens għall-imħabba u s-sapport li rċeviet.
Ir-rebħa ta’ Jasmine f’MużikaMużika bla dubju ħalliet impatt qawwi fuq ħafna u jidher ċar li mhux biss il-kanzunetta tagħha laħqet il-qlub tan-nies, iżda wkoll is-sinċerità u l-umiltà tagħha kif ukoll id-dedikazzjoni u l-vulnerabbiltà li ħarġu mal-prestazzjoni sabiħa li tat.
Facebook/ Jasmine Abela