Grace Wilde, li kienet tgħix Malta u emigrat għal Spanja, taqsam magħna din l-istorja ta’ vjolenza domestika fi ktieb, li huwa xhieda tar-reżiljenza u d-determinazzjoni tagħha.
“Qed naqsam l-istorja tiegħi biex inkun dawl għal min qed jgħix fid-dlam u biex inqajjem kuxjenza dwar din il-problema serja. Il-ktieb jinkludi wkoll informazzjoni imprezzabbli minn psikoterapista bbażata f’Washington D.C. b’aktar minn 25 sena esperjenza, biex il-qarrej mhux biss jifhem x’qed jiġri, imma jitgħallem kif jipproteġi lilu nnifsu.
Tkompli billi tgħidilna, “Jekk tinsab f’din is-sitwazzjoni, m’intix waħdek. It-trawma mhijiex it-tmiem tal-istorja tiegħek. Meta ssib ruhek fid-dlam, ftakar li d-dawl dejjem jirbaħ. Pass pass, tista’ ddawwar il-paġna u tibda kapitlu ġdid f’ħajtek. Dan il-ktieb qiegħed hawn biex jakkumpanjak f’kull pass ta’ dan il-fejqan.Il-kitba ta’ dan il-ktieb kienet vjaġġ terapewtiku għalija.”
Tgħidilna wkoll li, “Il-vjolenza domestika mhijiex biss fiżika. Tista’ tkun f’diversi forom;psikoloġika, finanzjarja, sesswali u emozzjonali,forom ta’ abbuż li huma inviżibbli iżda jħallu l-marki fil-profond.”
Fil-ktieb il-ġdid tiegħi, Healing from Narcissistic Abuse, nidħol fid-dettall dwar il-psikoloġija narċisistika u l-logħob mentali li jħallu lill-vittma mifxula u bla saħħa.
L-istatistika hija xokkanti: huwa stmat li madwar 1 minn kull 4 nisa u 1 minn kull 7 irġiel jesperjenzaw vjolenza domestika severa f’ħajjithom.
Madankollu, l-abbuż narċisistiku spiss jibqa’ mistur. Għalkemm il-kelma “narċisista” tintuża ħafna llum, hemm differenza kbira bejn sempliċi karatteristiċi u d-Disturb tal-Personalità Narċisistika (NPD), li jwassal għal dik li nsejħu Narcissistic Abuse Syndrome; kundizzjoni serja li tfarrak is-saħħa mentali.”
Awguri kbira lil Grace li minn sitwazzjoni fejn kienet ta’ diversi trawmi għalija, qasmet l-istorja tagħha mal-pubbliku sabiex tagħti kuraġġ lil kull min jinsab f’relazzjoni ta’ dan it-tip.