Xi jiem ilu Puttinu Cares sellmu l-memorja ta’ Carmena Gatt mill-Ħamrun, li ħalliet din id-dinja fl-età ta’ 86 sena. Kienet ix-xewqa ta’ Carmena li jsir att ta’ ġenerożità u solidarjetà waqt il-funeral tagħha u tinġabar somma sabiħa għal din il-komunità.
Puttinu huma grati għas-somma sabiħa ta’ €570 – ġest li juri kemm kienet stmata u maħbuba minn dawk ta’ madwarha.
Lil hinn minn dan l-att sabiħ, storja aktar personali u emozzjonali dwar ħajjitha nqasmet min-neputija tagħha, Nicole Alexandra Gatt, fuq il-paġna tagħha Foreign Indie Scholar. Fil-messaġġ tagħha, hija rrakkontat ir-rabta profonda li kellha man-nanna tagħha.
Issemmi kemm kienet tieħu ħsiebha meta kienet għadha tifla u baqgħet dejjem hemm għaliha. Aktar tard f’ħajjitha, kienet hi li tieħu ħsieb lil nannitha. Nicole kitbet dwar l-isfidi li ġabet f’ħajjet in-nanna tagħha Carmena l-Alzheimer’s disease.
Minkejja dawn l-isfidi, hija saħqet li kien hemm ħaġa waħda li qatt ma ntilfet – l-imħabba bla kundizzjoni li Carmena kienet tagħti lil kulħadd. Hija fissret ukoll il-weġgħa li ħasset meta waqt li kienet imsiefra l-Ingilterra matul il-pandemija, tilfet sentejn ma’ nannitha.
Meta reġgħet lura Malta, sabet li l-marda kienet avvanzat. Madankollu, kull żjara kienet tkun okkażjoni biex tipprova tikkalmaha permezz tal-mużika, anke fl-aktar mumenti diffiċli.
Nicole tikteb kif l-aħħar 11-il jum ta’ ħajjet nannitha Carmena, fejn kienet qed tgħaddi mill-aħħar stadji tagħha, ħasset il-ħtieġa ta’ appoġġ psikoloġiku biex taffaċċja dak li kienet għaddejja minnu.
Hi semmiet ukoll kif nannitha kienet mara li affaċċjat ġudizzju, speċjalment bħala omm waħedha fi żminijiet ta’ mentalita differenti.
Minkejja kollox, baqgħet tippersisti u tagħti mħabba bla qies lil uliedha, lil dawk li rabbiet, u anke lil dawk li ġew fil-familja aktar tard. F’waħda mill-aktar tifkiriet li baqgħu magħha, Nicole qalet li meta Carmena kienet l-isptar, kienet iżżomm ritratt tagħha f’idejha u ssejħilha.
“Għażilt dan ir-ritratt għax meta n-nanna kienet l-isptar kienet iżżomm l-inkwadru u tgħajjatli. Anke meta ma kinitx tagħrafni xorta stajt nagħraf l-imħabba bla kundizzjonijiet tagħha.”
Għaliha, dan kien sinjal ċar li, minkejja kollox, l-imħabba tagħha baqgħet ħajja sal-aħħar. Il-memorja ta’ Carmena Gatt tibqa’ tgħix mhux biss permezz tal-ġenerożità li wrew in-nies f’isimha, iżda wkoll fl-istejjer ta’ mħabba, ħarsien u sagrifiċċju li ħalliet warajha.
Kuraġġ lil Nicole u lill-familjari kollha, u nsellmu l-memorja ta’ Carmena.
Instagram/ foreign.indie.scholar