Il-brand internazzjonali tas-sandwiches, All’Antico Vinaio, se tiftaħ l-ewwel ħanut f’Malta fi Triq ir-Repubblika, il-Belt Valletta, fejn se jġib miegħu t-togħmiet ikoniċi ta’ Firenze fil-qalba tal-kapitali. Dan il-ftuħ se jkun il-56 wieħed tal-brand madwar id-dinja.
Imwaqqaf f’Firenze, l-Italja, All’Antico Vinaio bena reputazzjoni globali għas-sandwiches awtentiċi tiegħu, magħrufa bħala schiacciate, li kull sena jiġbdu miljuni ta’ viżitaturi. Il-brand kiseb ukoll rikonoxximent bħala wieħed mill-aktar ismijiet magħrufa fid-dinja tal-istreet food. L-espansjoni tiegħu f’Malta tpoġġi lil Belt Valletta fost bliet internazzjonali prestiġjużi bħal Milan, Ruma, New York, Los Angeles, Londra u Pariġi.
Il-ħanut il-ġdid, li jinsab f’waħda mill-aktar toroq traffikużi u storiċi tal-pajjiż, huwa mistenni jsir attrazzjoni ewlenija kemm għar-residenti kif ukoll għat-turisti, filwaqt li jkompli jsaħħaħ ix-xena gastronomika u kulturali vibranti tal-Belt.
“Huwa tassew eċċitanti li naraw is-schiacciate tagħna, imwielda f’Firenze, issa f’Malta. Wara l-Istati Uniti, ir-Renju Unit, Franza u l-Emirati Għarab Magħquda, dan huwa pass ieħor importanti fit-tkabbir internazzjonali ta’ All’Antico Vinaio. Ninsab kburi b’din is-sħubija u kuntent li qed inġibu l-esperjenza tagħna f’belt bħal Valletta, li għandha storja rikka u identità qawwija,” qal Tommaso Mazzanti, CEO u fundatur tal-brand.
Min-naħa tiegħu, Victor Borg, Direttur ta’ Greatt Food Limited, il-franchisee lokali qal, “Aħna kburin immens li qed inġibu All’Antico Vinaio f’Malta, u b’mod partikolari fil-Belt Valletta. Triq ir-Repubblika toffri ambjent ideali għal brand ta’ dan il-livell, fejn jingħaqdu l-wirt storiku, moviment kontinwu ta’ nies u atmosfera unika. Nemmen li dan il-post se jsir destinazzjoni indispensabbli fi żmien qasir.”
Il-ħanut f’Malta se jibqa’ leali lejn l-identità tal-brand, billi joffri ħobż schiacciata frisk ippreparat fil-post u ingredjenti ta’ kwalità għolja importati mill-Italja. Barra minn hekk, se jiġu introdotti wkoll varjanti esklussivi għal Malta li jirriflettu t-togħmiet u l-wirt kulinari lokali.
L-ftuħ uffiċjali tal-ewwel All’Antico Vinaio f’Malta se jsir fil-25 ta’ April f’nofsinhar, filwaqt li mill-26 ta’ April ’il quddiem il-ħinijiet tal-ftuħ se jkunu kuljum mill-10:00 sat-22:00.
Imwaqqaf fl-1991 f’Firenze mill-familja Mazzanti, All’Antico Vinaio illum huwa meqjus bħala wieħed mill-aqwa brands ta’ street food fid-dinja. Is-sandwich ikoniku tiegħu, “La Favolosa”, magħmul bis-salami Sbriciolona, krema tal-pecorino magħmula d-dar, u taħlita ta’ qaqoċċ u brunġiel pikkanti, ġie msemmi fost l-aqwa ħames sandwiches fid-dinja mir-rivista Saveur.
Fl-2014, kien l-aktar ristorant fid-dinja li kellu reviews fuq TripAdvisor. Illum, il-brand għandu preżenza b’saħħitha fl-Italja, l-Istati Uniti, l-Emirati Għarab Magħquda, ir-Renju Unit, Franza u dalwaqt Malta, filwaqt li għandhom pjanijiet biex ikomplu jespandu fuq livell internazzjonali.
Facebook / All’antico Vinaio